Fl-aħħar diskors tiegħu bħala President tal-GWU, Victor Carachi fakkar kif il-GWU kienet minn dejjem protagonista fl-iżvilupp soċjo-ekonomiku tal-pajjiż, kien hemm min kien hemm fil-gvern! Għalhekk hija tassew ħasra li xi gvernijiet preċendenti immexxija mill-Partit Nazzjonalista mhux dejjem fehmu dan!
Huwa fakkar ukoll li kien ġie elett President ta’ din l-akbar Unjin propju ġurnata qabel l-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu 2008, fejn id-differenza bejn il-partiti kienet biss ta’ 1,500 vot favur il-partit nazzjonalista
“Kien żmien diffiċli ħafna għall-Unjin għax kellna niffaċċjaw attakki fuq il-finanzi tal-Unjin, speċjalment meta l-Gvern, ftit taż-żmien qabel kien ħadilna l-kumpanija sussidarja, il-Cargo Handling kif ukoll attakki fuq il-membership billi wettaq rundown qawwija fuq it-Tarzna li minn 1,700 ħaddiem tniżżlu għal madwar 60 biss” tenna Carachi.
Huwa semma wkoll kif saħansitra ġiet f’pajjiżna l-Kummissarju Ewropew ta’ dak iż-żmien – Neelie Kroes li kienet responsabbli mill-Kompetizzjoni – biex tbeżża’ lill-ħaddiema ħalli jieħdu l-iskemi ta’ rtirar kmieni.
Fid-diskors tiegħu, huwa rrefera wkoll għal meta Ottubru 2009 il-GWU libset libsa ġdida mhux biss b’logo ġdid imma re-branding sħiħa li kienet inawgurata mill-President ta’ Malta dak ta’ iż-żmien, l-Eċċellenza Tiegħu Dott. George Abela.
“Għadni niftakar dak iż-żmien qisu lbieraħ, il-mibki Tony Zarb ferħan se jtir, kburi b’dak li għamilna llkoll flimkien. Għax Tony, l-importanti għalih kien it-Tim kollu u mhux hu personali.
Il-kampanja li kienet saret ftit wara wara fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni marret tant tajjeb li s-sħubija fil-GWU bdiet tiżdied b’madwar 700 membru ġdid fix-xahar” sostna l-eks president tl-GWU.
Minbarra dan kollu, huwa semma wkoll id-diversi skemi ġodda li tniedew immirati lejn il-membri u l-familji tagħhom. B’dawn, il-GWU riedet twassal il-messaġġ li l-Unjin mhijiex qiegħda hemm biss biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-membri iżda wkoll biex ittejjeb il-kwalita tal-ħajja tal-membri u l-familji tagħhom.
Huwa ta ħarsa lura għal meta kien elett President fl-2008 u fakkar li parti mill-proposti tal-GWU għall-baġit ta’ dik is-sena, kien hemm dik li l-pajjiż għandu bżonn Viżjoni u Pjan fit-tul. Il-GWU kienet l-ewwel li għamlet din il-proposta li baqgħet tipproponiha sakemm il-gvern Laburista immexxi mill-Prim Ministru Dr Robert Abela beda jaħdem fuqha u għamilha prijorita għal dan il-pajjiż bħala Viżjoni li tpoġġi l-kwalita tal-ħajja tal-poplu Malti fiċ-ċentru ta’ dak kollu li għandu jsir.
“Ekonomija għan-nies u mhux in-nies għall-ekonomija. Dan huwa legat importanti ħafna, li l-GWU tat lil dan il-pajjiż tagħna”.
Lejn tmiem id-diskors tiegħu huwa faħħar il-ħidma tas-Segretarju Ġenerali attwali, Josef Bugeja, li taħt it-tmexxija tiegħu il-GWU mhux biss baqgħet rilevanti u l-akbar forza soċjali b’aktar minn 50,000 membru imma hija mexxej fil-qasam soċjo-ekonomiku tal-pajjiż.
Huwa radd ħajr wkoll lid-Deputat Segretarju Ġenerali, Kevin Camilleri li ħadem qatigħ ukoll għal dan is-suċċess fl-istesswaqt li awgura Kevin Abela, li kien ta’ għajnuna għal diversi ħaddiema barranin f’pajjiżna, għall-kariga ġdida tiegħu ta’ Segretarju Internazzjonali u lil Jason Deguara li ħadem bla heda fil-kamp internazzjonali, u awguralu kull suċċess fil-kariga ġdida ta’ President ta’ din l-akbar Unjin fil-pajjiż!
Fl-aħħarnett, huwa għalaq id-diskors tiegħu b’appell lis-Segretarji tat-Taqsimiet kollha biex ikomplu bħal dejjem jgħożżu l-għaqda ta’ bejniethom u jibqgħu jħobbu lil din l-Unjin kif dejjem għamlu.

