Sunday, November 24, 2024

“IL-GWU ma taqbilx assolutament”

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

MINFLOK IS-SISTEMA TAL-4 DAY WEEK IL-GREĊJA TMUR GĦAL DIK TAS-6 DAY WEEK

“Il-GWU ma taqbilx assolutament mas-sistema introdotta fil-Greċja, dik ta’ ‘6 day week’. Nemmen li fl-era li ngħixu fiha l-ħaddiema jrid ikollhom biżżejjed ħin liberu għalihom – biex iqattgħuh mal-familja, mal-ħbieb, jirrilassaw u jgawdu. Għalhekk, infatti, kienet proprju l-GWU li pproponiet il-‘4 day week’ bħala waħda mill-proposti tal-baġit tagħha. Proposta li ġiet aċċettata u li qiegħda tiġi diġà prattikata mis-Servizz Pubbliku”.

Din hija r-reazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU), Josef Bugeja, għal dak li qiegħed jiġri fid-dinja tax-xogħol fil-Ġreċja. Hekk kif fuq livell internazzjonali u anke dak lokali qegħdin nesperimentaw u nikkonsidraw li naqilbu bil-four day week, jiġifieri sistema li biha ġimgħa xogħol issir fuq erbat ijiem flok ħamsa, il-Ġreċja għamlet totalment l-oppost. Dan il-pajjiż, flok lil ħaddiema naqsilhom is-sigħat u l-ġranet ta’ xogħol biex ikollhom bilanċ aħjar bejn il-ħajja tax-xogħol u dik privata, żiditomlhom.

B’dan il-pass il-Greċja saret l-ewwel pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea li introduċa ġimgħa xogħol fuq sitt ijiem flok ħamsa. Is-sigħat ta’ xogħol ta’ ġimgħa żidiethom bi tmienja oħra biex b’hekk dawn telgħu għal 48 siegħa. Dan b’kuntrast qawwi għas-sigħat proposti bis-sistema tal-4 day week li tista’ ssir b’żewġ modi – jew li s-sigħat ta’ ħamest ijiem jinqasmu fuq erbgħa fil-ġimgħa jew inkella jinżlu għal 32 siegħa u l-ħaddiema jibqgħu bl-istess paga.

Miżura “barbara” kkritikata mill-unjins

Din il-miżura fil-Greċja deskritta bħala “barbara” tmur kontra dak li l-unjins ilhom jaħdmu għalih, jiġifieri aktar ġranet ta’ mistrieħ u mal-familja għall-ħaddiema. Fi studji u proġetti pilota li saru s’issa juru li bis-sistema ta-4 day week il-produzzjoni ma tonqosx anzi, kien hemm min irreġistra żieda u dan għax il-ħaddiem ikun aktar kuntent u mistrieħ, għaldaqstant aktar iffokat.

Mentri, l-argument tal-Greċja għar-riforma tas-6 day week huwa “attentat biex tiżdied il-produttività ekonomika”. Il-miżura daħlet fis-seħħ fil-bidu ta’ din il-ġimgħa u mill-ewwel ġiet ikkritikata mill-unjins. Oriġinarjament din kienet approvata mil-leġislaturi bħala parti minn pakkett ġdid ta’ liġijiet tax-xogħol.

Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru Grieg, Kyriakos Mitsotakis, iġġustifika dan il-pass minħabba li l-pajjiż għandu nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa kawża tal-kriżi ekonomika li bdiet fl-2009, kriżi li ġiet fuqhom riżultat ta’ dejn nazzjonali kbir. Kyriakos qiegħed jgħid li din il-kriżi wasslet għal “esodu” – man-nofs miljun żgħażagħ Griegi – emigraw mill-pajjiż. Saħaq ukoll li din is-sistema se tindirizza l-kwistjoni ta’ overtime bla ħlas flimkien max-xogħol mhux dikjarat.

Riforma li ġġib fix-xejn snin ta’ ħidma għall-kisba ta’ drittijiet tal-ħaddiema

Il-Greċja ħabbret li s-sistema ta’ ġimgħa xogħol ta’ sitt ijiem se tapplika għan-negozji privati li joffru servizzi kuljum 24 siegħa. Impjegati f’għadd ta’ industriji u faċilitajiet ta’ manifattura se jkollhom l-għażla li jaħdmu sagħtejn żejda kuljum jew inkella jaħdmu xift ta’ tmien sigħat żejjed. Dawn is-sigħat se jitħallsu b’żieda ta’ 40% tal-paga li ħaddiem jingħata f’jum wieħed.

Il-kritiċi tas-sistema tas-6 day week qegħdin isostnu li din ir-riforma xxekkel il-protezzjoni legali u ġġib fix-xejn snin ta’ ħidma biex jinkisbu drittijiet għall-ħaddiema. Fir-rigward diġà bdew isiru protesti.

Tajjeb li ngħidu li s-sistema tal-4 day week diġà ġiet ippruvata f’diversi pajjiżi tant li fl-2022 l-Belġju għamel liġi li tagħti dritt lill-ħaddiema biex il-ġimgħa xogħol tagħhom tkun fuq erbat ijiem flok ħamsa. Proġetti pilota saru f’diversi pajjiżi fosthom fir-Renju Unit, fil-Ġermanja, fil-Ġappun, fl-Afrika t’Isfel u fil-Kanada.

Ħidmet il-GWU… “Għandha tidħol anke fil-privat”

F’pajjiżna diġà għandna kumpaniji li jagħtu l-opportunità lill-ħaddiema tagħhom jaħdmu erbat ijiem flok ħamsa. F’intervisti preċedenti l-GWU minn dejjem tkellmet favur is-sistema tal-4 day week tant li “taqbel definittivament” magħha u kienet din l-istess Unjin li snin ilu għamlet proposta lill-Gvern fir-rigward.

Il-GWU wegħdet ukoll li fiż-żmien li ġej se tkompli taħdem għas-sistema tal-4 day week biex il-ħaddiema Maltin u Għawdxin li jaħdmu fil-privat igawdu minnha wkoll. Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU temm jinsisti li, “inċentivi u miżuri bħal dawn għandhom jidħlu wkoll fil-privat biex il-ħaddiema kollha jkunu jistgħu jsibu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tagħhom. Tajjeb li nżommu f’moħħna li ħafna ħaddiema qegħdin ibatu minn problemi ta’ saħħa mentali minħabba l-impenji kollha li jridu jlaħħqu magħhom”.

Sport