Tuesday, April 23, 2024

Il-GWU ma taqbilx li l-jiem ta’ kwarantina jkunu meqjusa bħala leave

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union ma taqbilx li l-kwarantina għandha tispiċċa u l-assenza mix-xogħol minħabba kwarantina tkun meqjusa bħala leave tal-persuna kif qed jingħad li jridu l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem. Il-kwarantina tkun ordnata mill-Awtoritajiet tas-Saħħa u qiegħda hemmhekk biex ħadd ma joħroġ mid-dar irrispettivament minn kemm ikun il-perjodu tal-kwarantina.

Dan qalu s-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja meta lbieraħ filgħodu kien mitlub jagħti l-kummenti tiegħu dwar dan waqt il-programm ta’ filgħodu fuq l-istazzjon nazzjonali.

Fl-intervent tiegħu, is-Segretarju Ġenerali semma kif id-djalogu soċjali u l-konsultazzjonijiet li saru għenu biex negħlbu l-pandemija fil-postijiet tax-xogħol u qal li għalhekk id-djalogu soċjali għandu jkun il-bażi ta’ kif isiru l-affarijiet u d-deċiżjonijiet ma jitħallew għall-aħħar biex b’hekk ma’ ssirx ħsara lil diversi setturi ekonomiċi.

Huwa semma l-problemi ta’ dawk il-ġenituri li jaħdmu u li jridu jaraw fejn u ma min se jħallu t-tfal jew kif se jagħmlu biex ma jmorrux għax-xogħol biex ma jħallux it-tfal waħedhom għal tmien sigħat sħaħ. Bugeja qal li kif ġara fil-passat dawn għandu jkollhom iċ-ċans li jaħdmu mid-dar u jekk ma jkollhomx xogħol, jitħallsu l-Covid Wage Supplement. 

Josef Bugeja qal dan fil-kuntest illi meta bdew telgħin in-numri ta’ infezzjonijiet il-GWU ħadet ħsieb li tmur fuq il-postijiet tax-xogħol biex tara x’impatti dawn se jħallu u kif nistgħu nilqgħu għalihom.

“Mill-bidu tal-pandemija rajna u tajna każ dak li kienet qed tgħid l-Awtoritajiet tas-Saħħa u dejjem qgħadna fuq il-pariri li kienet qed tagħti s-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci u fdajna fuq il-pariri tagħha”.

Kompla qal li tul il-pandemija l-GWU ħadet sehem f’diversi diskussjoni kemm fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali u anki mal-Prim Ministru biex f’kull pass li beda jsir naraw x’impatt kien se jkun hemm fuq il-postijiet tax-xogħol u kif nistgħu nkomplu mexjin ‘il quddiem fejn f’ħafna mill-każi sibna s-soluzzjonijiet. Issa huwa l-waqt li nkomplu nintensifikaw l-isforzi tagħna.

Fil-kummenti konklussiv tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU filwaqt li qal li hemm ħtieġa għal iktar diskussjonijiet u preparamenti għal dak li jista’ jinqala’, enfasizza l-bżonn ta’ iktar kampanji ta’ tagħrif biex kulħadd ikun jaf eżatt x’inhuma l-linji gwida.

Sport