Il-General Workers’ Union (GWU) illum ikkundannat bil-qawwa lil Microtek Medical Malta Ltd, sussidjarja tal-ġgant Amerikan tas-saħħa, Medline, talli naqset milli tippreżenta kwalunkwe pakkett ta’ kumpens għall-ħaddiema li se jispiċċaw bla xogħol.
Minkejja li jammettu li l-għeluq tal-impjant Malti hija “deċiżjoni strateġika” biex jitnaqqsu l-ispejjeż, probabbilment bi tħejjija għall-Offerta Pubblika Inizjali (IPO) tas-sidien tal-kumpanija li hija valutata għal bosta biljuni, Medline insultat lill-ħaddiema leali tagħha billi naqset milli tpoġġi fuq il-mejda mqar offerta waħda konkreta bħala kumpens ta’ tmiem l-impjieg tal-ħaddiema.
“Regħba Globali, Tbatija Lokali”
“Medline Industries tiġġenera biljuni fi dħul globalment. Mhux qed jagħlqu f’Malta minħabba falliment; qed jagħlqu biex inaddfu l-kotba finanzjarji tagħhom għal Wall Street,” stqarr Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali tal-GWU. “Li tkeċċi 96 familja barra fit-triq fil-Milied b’idhom f’idhom, wara li tkun ksirt il-liġi billi ddeċidejt l-eżitu qabel ma bdiet il-konsultazzjoni, huwa att ta’ brutalità fin-negozju li aħna mhux se naċċettaw.”
Medline ma mexxietx in-negozjati ‘l quddiem u warrbet il-proposti magħmula mill-GWU, filwaqt li naqset milli tippreżenta kwalunkwe kontro-proposta.
Eskalazzjoni Internazzjonali
It-tilwima issa ser teskala lil hinn minn xtutna. Il-GWU rċeviet appoġġ formali mill-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins (ETUC), li tirrappreżenta 45 miljun ħaddiem madwar l-Ewropa.
F’ittra lill-GWU, is-Segretarju Ġenerali tal-ETUC Esther Lynch ikkundannat in-nuqqas ta’ konsultazzjoni min-naħa ta’ Medline bħala “disprezz lejn id-drittijiet tal-ħaddiema u l-prinċipji bażiċi tad-djalogu soċjali.”
Għalhekk, il-GWU qed tħabbar dan li ġej:
● Dikjarazzjoni ta’ Tilwima: Ġiet irreġistrata tilwima industrijali formali.
● Mobilizzazzjoni Ewropea: Permezz ta’ task force ta’ mobilizzazzjoni, il-GWU qed tibda kuntatt mar-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-faċilitajiet ewlenin l-oħra ta’ Medline fl-Ewropa, speċifikament fi Franza u fis-Slovakkja. Il-GWU hija lesta li titfa’ din it-tilwima fuq livell internazzjonali. Medline ma tistax tistenna li n-negozju jibqa’ għaddej bħas-soltu fl-Ewropa waqt li qed tirfes fuq id-drittijiet tal-ħaddiema f’Malta.
● Avviż ta’ Azzjoni Industrijali: Il-GWU nnotifikat formalment lill-kumpanija b’azzjoni industrijali, li tista’ tiġi eskalata fin-nuqqas ta’ riżoluzzjoni ġusta għall-impjegati affettwati.
● Azzjoni Legali: L-Union qed tipprepara biex tiftaħ kawża għal tkeċċija inġusta f’isem limpjegati kollha, abbażi tan-natura fażulla tal-proċess ta’ konsultazzjoni, fatt li ġie kkonfermat mid-dokumentazzjoni mqassma mill-kumpanija stess.


