Saturday, December 21, 2024

Il-GWU ressqet fl-MCESD l-istudju dwar in-National Living Income

Aqra wkoll

Fl-aħħar laqgħa tal-MCESD, il-General Workers’ Union ressqet l-istudju “A Proposal Towards the Definition and Estimates of the National Living Income in Malta” li għamlet flimkien mal-Alleanza Kontra l-Faqar u l-Moviment Graffitti. Dan l-istudju jifforma parti mill-proġett ESF.04.076 – “Improving General Workers’ Union Capacity for Better Social Dialogue” li ġie kkofinanzjat mill-Fondi Soċjali Ewropej. Wara l-proċess tat-tender, intgħażlet il-kumpanija Rethink Advisory bl-iskop li jinħareġ studju xjentifiku dettaljat dwar id-definizzjoni ta’ dħul diċenti u kemm għandha bżonn flus ‘household’ Maltija biex tgħix ħajja adegwata/diċenti.

L-istudju sar fuq firxa wiesgħa ta’ nies li ġejjin minn kull sfera tal-ħajja, u li għandhom dħul differenti. Fil-fatt fl-istudju sar stħarriġ kwantitattiv u kwalitattiv fost elf persuna. Il-qofol tal-istudju kien immirat biex fl-aħħar mill-aħħar ħarġu figuri ta’ kemm għandu jkun in-‘National Living Income’ u b’kollox ħarġu sitt ċifri hekk kif saret distinzjoni bejn il-flus li jkollhom bżonn ‘households’ magħmula minn ammonti diversi ta’ persuni billi analizzaw l-aktar tipi komuni.

Studju li tressaq quddiem l-MCESD biex isiru diskussjonijiet informattivi bejn is-sħab soċjali u aktar tard mal-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar l-għajnuniet meħtieġa biex ma jibqax ikun hawn inugwaljanzi tad-dħul u minflok ċerti faxex ta’ households jitilgħu livell ‘il fuq. 

Matul il-laqgħa tal-MCESD saret spjegazzjoni u preżentazzjoni dettaljata minn tlett riċerkaturi li kienu nvoluti fll-istudju, Dr Kurt Xerri, Dr Daniel Gravino u Dr Joseph Gravina, li taw lok għal diskussjoni elaborata mis-sħab soċjali.

ls-sħab soċjali kellhom rispons pożittiv għal dan l-istudju. Ħafna saħqu dwar il-ħtieġa ta’ aktar studji minn dan it-tip biex flimkien jaraw kif jistgħu jgħollu l-livell ta’ kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini. Oħrajn staqsew dwar x’qed iżomm persuni milli javvanzaw ‘il quddiem. Oħrajn tkellmu dwar is-saħħa ta’ dħul tagħhom, dwar li x-xogħol u l-paga jkunu ta’ sostenn għall-familji. Jekk min iħaddem ma jagħtix paga diċenti allura dak il post tax-xogħol la huwa soċjalment u lanqas ekonomikament sostenibbli.

“Din hi l-għodda li potenzjalment se tgħin biex jitħaddmu r-riżorsi pubbliċi b’aktar effiċjenza u ngħollu l-livell tal-ekonomija tagħna u dawn in-nies jibdew jipperċepixxu dħul adegwat li jgħin lill-poplu inġenerali,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja. Huwa kompla billi qal li l-GWU tixtieq tibqa’ taġġorna dan l-istudju. Tixtieq ukoll tieħu l-pass li jmiss billi tistudja kif tista’ tiffinanzja d-differenza fid-dħul tal-ħaddiema u l-livell mixtieq biex kulħadd ikollu dħul diċenti.   

Ekonomija

Sport