It-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi fi ħdan il-General Workers’ Union infurmat lil HSBC Malta plc li jekk sal-1 ta’ Diċembru 2025 ma tingħatax kopja tal-pakkett finanzjarju li jikkumpensa lill-impjegati għas-servizz tal-passat tagħhom ma’ HSBC Malta plc. se tirrikorri għall-proċeduri legali.
Is-Segretarju tat-Taqsima Riccarda Darmanin qalet li jekk ma jkunx hemm żmien biżżejjed biex l-abbozz jiġi analizzat qabel ma jiġi ppreżentat lill-ħaddiema, il-GWU se jkollha tirrikorri għal proċeduri legali, skont kif previst fil-Klawżola 9 tal-Ftehim Kollettiv bejn HSBC Bank Malta plc u l-General Workers’ Union 2024 -2026.
Il-GWU esprimiet it-tħassib dejjem jikber tagħha dwar id-dewmien kontinwu biex tirċievi l-abbozz tad-dokument li jiddeskrivi t-termini proposti għat-tranżizzjoni li beħsiebha ssir ma’ CrediaBank.
“L-abbozz mitlub waqt il-laqgħa tagħna flimkien mad-Direttur Ġenerali tad-DIER għadu ma wasalx. Dan id-dewmien kontinwu mhux aċċettabbli u qed jostakola l-abbiltà tagħna li nippreparaw il-pożizzjoni tagħna b’mod adegwat,” saħqet Riccarda Darmanin.
Il-GWU tħeġġeġ lill-Bank biex jibda djalogu f’waqtu, trasparenti u sostantiv biex isolvi din il-kwistjoni fl-aħjar interess tal-partijiet kollha.


