Monday, December 9, 2024

Il-GWU tappoġġja t-talba tal-MEP Alex Agius Saliba

Il-General Workers’ Union irċeviet diversi lmenti minn sidien tal-ħwienet żgħar tal-merċa li għandhom idejhom marbutin fuq il-prezzijiet

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union tappoġġja t-talba tal-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba fejn qed jisħaq li l-Kummissjoni Ewropea tniedi investigazzjoni dwar il-prezzijiet tal-ikel li jinbiegħu mis-supermarkets u ħwienet tal-merċa żgħar f’Malta, wara li Brussell irrifjutat li tirtira l-kwistjoni mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni.

Il-GWU qed tisħaq li anke hi rċeviet diversi lmenti minn sidien tal-ħwienet żgħar tal-merċa f’Malta. Dawn stqarrew li qed iħossuhom b’idejhom marbutin u saħansitra mhedda minn uħud mill-importaturi kbar f’Malta meta jraħħsu l-prezzijiet ta’ ċertu ikel li jkunu xtraw b’irħas minn negozjanti paralleli ta’ dawn l-importaturi kbar f’Malta. Mhedda li jekk jagħmlu dan jitilfu l-aċċess ta’ ditti ewlenin oħra.

Is-sidien ammettew ukoll li l-importaturi l-kbar iwaħħlu stikers bl-ologramma fuq il-prodotti tagħhom biex jiddifferenzjawhom minn dawk importati minn negozjanti paralleli iżgħar biex dawn ma jkunux jistgħu jikkompetu magħhom fis-suq.

Il-GWU qalet li r-raġuni għal parti mill-piż tal-għoli tal-ħajja f’pajjiżna huwa l-profitt esaġerat li ċerti importaturi qegħdin jagħmlu u jridu jkomplu jagħmlu b’detriment fuq il-familji f’pajjiżna.

Taqbel mal-pass għaqli li ħa l-gvern biex jara kif l-inflazzjoni ma tkunx ta’ piż għall-poplu, l-inizjattiva biex jinżamm prezz stabbli għal 400 prodott tal-ikel fi 15-il kategorija.

Il-GWU tenniet li se tkompli taħdem fuq il-proposti tagħha għall-għoli tal-ħajja biex tinżamm il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema u l-pensjonanti f’pajjiżna.

Ekonomija

Sport