Wednesday, March 4, 2026

Il-GWU tfaħħar l-estensjoni tal-benefiċċju ta’ snack fis-Settur tas-Saħħa kollu

Aqra wkoll

It-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa fi ħdan il-General Workers’ Union laqgħet id‑deċiżjoni tal‑Amministrazzjoni Ċentrali tal-Gvern biex testendi d‑dritt għal ikla ħafifa (snack) għal firxa usa’ ta’ ħaddiema tal-kuntrattur li jaħdmu fis‑settur tas‑saħħa u l‑kura fis‑Servizz Pubbliku. Din il‑miżura, li tidħol fis‑seħħ fl‑1 ta’ April 2026, tirrappreżenta pass pożittiv lejn trattament aktar ġust u titjib fil‑benesseri tal‑ħaddiema li jaħdmu b’mod konsistenti f’xiftijiet twal u impenjattivi.

Skont l‑arranġament il‑ġdid, id‑dritt għal ikla ħafifa (snack), li qabel kien limitat għall-ħaddiema li jaħdmu aktar minn għaxar (10) sigħat f’żoni approvati, se japplika wkoll għall-uffiċjali pubbliċi u impjegati kuntrattwali skedati għal aktar minn tmien sigħat fl‑isptarijiet, fil‑Kura tas-Saħħa Primarja u fis‑servizzi tal‑Anzjanita Attiva.

Dan l‑aġġustament jindirizza tħassib li ilu jittella’ kemm mill‑ħaddiema kif ukoll mill‑GWU dwar aċċess mhux ugwali għal appoġġ bażiku waqt xiftijiet estiżi. Il‑GWU ilha tħeġġeġ għal trattament ekwu fost il‑kategoriji kollha ta’ ħaddiema li jwettqu dmirijiet komparabbli, u dan l‑iżvilupp jirrifletti progress konkret f’dik id‑direzzjoni.

L‑Amministrazzjoni Ċentrali kkonfermat li dan id‑dritt huwa konċessjoni tal‑maniġment u ma jistax jinbidel f’allowance monetarja, la issa u lanqas fil‑futur. Il‑GWU qalet li se tkompli ssegwi l‑implimentazzjoni biex tiżgura li d‑dispożizzjoni tingħata b’mod konsistenti u li ħadd ma jiġi żvantaġġjat minħabba sfidi loġistiċi jew operattivi.

Il‑GWU żiedet tgħid li tibqa’ impenjata li tħares id‑drittijiet u l‑benesseri tal‑ħaddiema membri kollha fis‑settur tas‑saħħa u l‑kura, u se tkompli tinvolvi ruħha mal‑awtoritajiet kompetenti biex tiżgura li l‑kundizzjonijiet tax‑xogħol jirriflettu ġustizzja, dinjità u rispett.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport