Riccarda Darmanin, Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi fi ħdan il-General Workers’ Union, ipparteċipat f’diskussjoni mtella’ minn The Malta Chamber, General Workers’ Union u l-Malta Business Bureau, li ffokat fuq “L-effett tal-AI fuq is-suq tax-xogħol.” Dan l-avveniment jifforma parti mit-tieni fażi tal-proġett TransFormWork II “Imsieħba Soċjali Flimkien għal Immaniġġjar Aħjar u Aktar Effettiv tal-Intelliġenza Artifiċjali għal Tranżizzjoni Ġusta għall-Futur tax-Xogħol”.

L-inizjattiva TransFormWork II hija mmexxija mill-KNSB – Konfederazzjoni tat-Trade Unions Indipendenti fil-Bulgarija u hija ffinanzjata mill-Kummissjoni Ewropea. Il-proġett għandu l-għan li jappoġġa lill-imsieħba soċjali madwar l-Ewropa fl-isfidi u l-opportunitajiet ippreżentati mill-AI, u jiżgura tranżizzjoni ġusta u inklussiva għall-futur tax-xogħol.
Hekk kif l-intelliġenza artifiċjali qed tkompli tfassal mill-ġdid l-industriji u tiddefinixxi mill-ġdid id-dinja tax-xogħol, il-proġett Transformwork2, immexxi minn konsultazzjoni estensiva tal-membri, żvela qasma dejjem tikber fil-kapaċitajiet tal-ħaddiem li jimpenjaw ruħhom għal din it-trasformazzjoni.

Filwaqt li ħafna impjegati integraw b’suċċess l-għodod tal-AI fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum, u saħħew il-produttività, issimplifikaw l-operazzjonijiet, u ħolqu opportunitajiet li qabel ma kinux jeżistu , oħrajn għadhom inċerti jew maqtugħin minn dawn l-avvanzi. Xi wħud mhumiex ċerti kif l-AI se tiġi applikata fil-post tax-xogħol tagħhom, filwaqt li oħrajn qed jiffaċċjaw sfidi biex jadattaw għal sistemi ġodda, huma mħassbin dwar is-sigurtà tax-xogħol tagħhom, jew qed isibuha diffiċli biex jagħmlu tranżizzjoni mill-metodi tradizzjonali li mdorrijin bihom.
“Din il-qasma diġitali tippreżenta sfida li rridu nitrattaw b’urġenza,” qalet is-Segretarju Riccarda Darmanin. “Irridu niżguraw li l-benefiċċji tal-AI huma maqsuma b’mod ekwu fis-setturi kollha tax-xogħol. Huwa importanti li mhux biss inħaddnu l-innovazzjoni, iżda ma rridu nħallu lil ħadd jaqa’ lura fil-proċess.”

Il-GWU qed tenfasizza l-ħtieġa għal integrazzjoni inklussiva u ċċentrata fuq il-bniedem fejn tidħol l-AI. Fost l-istrateġiji enfasizzati hemm inizjattivi ta’ upskilling u reskilling biex il-ħaddiema jitgħallmu l-ħiliet diġitali u tekniċi, tfassil mill-ġdid tar-rwoli tax-xogħol biex jinkorporaw l-AI b’mod li jżidu aktar milli jnaqqsu l-ħaddiema. Tippromwovi wkoll il-kollaborazzjoni bejn il-bniedem u l-AI u tħeġġeġ it-tranżizzjoni għal rwoli ġodda relatati.
Huwa vitali li jiġi stabbilit qafas etiku ta’ governanza tal-AI li jagħtu prijorità lill-benesseri tal-ħaddiema u jibnu l-fiduċja permezz tat-trasparenza u l-involviment tal-ħaddiema b’mod attiv fid-deċiżjonijiet tal-integrazzjoni tal-AI biex titnaqqas l-inċertezza u titrawwem l-inklużjoni.
“L-AI mhix theddida, hija għodda,” żiedet tgħid. “Iżda kif nagħżlu li nimplimentawha se tiddetermina jekk taqsamx jew tgħaqqadx il-ħaddiema tagħna. Huwa għalhekk li qed insejħu lil min iħaddem, lil dawk li jfasslu l-politika, u lill-iżviluppaturi tat-teknoloġija biex iżommu f’moħħhom li l-ħaddiema jiġu fl-ewwel post.”
Il-GWU se tkompli taħdem ma’ min iħaddem biex tinkorpora strateġiji ta’ taħriġ u sigurtà tax-xogħol fil-Ftehim Kollettivi, tiżgura li l-ħaddiema jkunu ppreparati għas-suq tax-xogħol li qed jevolvi u titnaqqas id-dipendenza fuq ħiliet importati.
Hekk kif il-futur tax-xogħol huwa mfassal mid-deċiżjonijiet tal-lum, il-GWU tħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha biex jikkollaboraw biex joħolqu postijiet tax-xogħol fejn it-teknoloġija ssaħħaħ, mhux tissostitwixxi, il-potenzjal uman.
“Ejja nibnu pontijiet, mhux ostakli. Ejja niżguraw li l-AI taħdem għal kulħadd,” temmet tgħid Riccarda Darmanin.