It-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa fi ħdan il-General Workers’ Union (GWU) iddikjarat azzjoni industrijali b’appoġġ għall-care workers membri tal-GWU li jaħdmu fil-komunità, impjegati minn Healthmark. Din l-azzjoni hija kontinwità ta’ tilwima industrijali li l-unjin kienet għamlet fit-2 ta’ Ottubru 2025. L-azzjonji industrijali mistennija tibda minn nhar it-Tnejn 3 ta’ Novembru 2025, bil-għan li tissalvagwardja d-drittijiet ta’ dawn il-care workers li, minkejja l-wegħdiet ta’ żieda fil-paga (allowance) stipulata fl-Avviż Legali 128 tal-2024, għadhom ma rċevewx l-aġġustamenti miftehma.
Minkejja l-isforzi biex it-Taqsima ssolvi din il-kwistjoni, in-nuqqas ta’ konformità kontinwu ma ħalla l-ebda alternattiva ħlief li tiddikjara formalment tilwima industrijali.
It-Taqsima kkuppjat ukoll lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi (DIER) biex jibda proċedimenti ta’ medjazzjoni skont il-proċeduri stabbiliti bit-tama li din il-kwistjoni tiġi trattata b’urġenza.
Din id-deċiżjoni ttieħdet hekk kif il-care workers ta’ Healthmark qed jagħtu servizzi essenzjali taħt kundizzjonijiet li mhumiex ugwali bħal dawk tal-ħaddiema l-oħra fis-servizz pubbliku, li jaħdmu bħala care workers fil-komunita. L-azzjoni industrijali tfittex li tenfasizza l-ħtieġa urġenti għal trattament ġust, allinjament tal-pagi skont il-liġi u rikonoxximent tar-rwol vitali li dawn il-care workers għandhom fil-komunità.
Il-GWU ttenni l-impenn tagħha li tiddefendi d-dinjità u l-benesseri tal-care workers kollha fil-qasam tas-saħħa u tappella lill-awtoritajiet rilevanti biex jindirizzaw din id-diskrepanza mingħajr dewmien.

