Tuesday, September 23, 2025

Il-GWU tiddikjara tilwima industrijali fil-konfront ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni

Aqra wkoll

It-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa fi ħdan il-General Workers’ Union qed tiddikjara tilwima industrijali fil-konfront tal-Gvern Ċentrali hekk kif osservat li dawn qed jonqsu milli joffru t-trade testing aktar regolari lill-ħaddiema care workers tal-kuntrattur.

“Il-General Workers’ Union (GWU) osservat li mit-tnedija tal-programm tat-trade testing għall-care workers minn Jobsplus f’Lulju li għadda, saru biss erba’ sessjonijiet ta’ trade testing, li kull waħda akkomodaw tnax (12)-il care worker. Kif kien miftiehem, il-care workers kollha huma mistennija li jlestu dan it-test sa tmiem din is-sena u jiġu remunerati skont l-Avviż Legali 128/2024,” qalet it-Taqsima.

Iżda minħabba r-ritmu li mexjin bih, jidher li l-care workers kollha mhux se jkunu jistgħu jlestu fil-perjodu taż-żmien miftiehem. Għalhekk, il-GWU bdiet tiġbed l-attenzjoni lill-Gvern Ċentrali u lil Jobsplus biex tikkunsidra żżid in-numru ta’ sessjonijiet disponibbli biex ikun żgurat li l-care workers kollha jkunu jistgħu jlestu t-test sa tmiem is-sena b’mod effiċjenti u ġust.

Minkejja diversi tentattivi il-GWU lanqas ingħatat rendikont tal-progress biex jitlestew dawn is-sessjonijiet, kemm fadal care workers li għadhom jeħtieġu jagħmlu dan it-trade testing u kemm diġà lestewh u meta huma mistennija li jlestu.

“Dan id-dewmien ifisser li dawk il-ħaddiema li ma għamlux dawn is-sessjonijiet jistgħu jitilfu l-allowances u ż-żidiet fil-pagi dovuti lilhom skont l-Avviż Legali 128/2024, u dan jaffettwa l-benesseri finanzjarju u d-drittijiet tagħhom.

“B’riżultat ta’ dan, il-GWU qed tiddikjara tilwima industrijali biex tipproteġi lill-membri tagħha u tħeġġeġ lill-awtoritajiet biex isolvu l-kwistjoni minnufih,” temmet tgħid it-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport