Saturday, November 23, 2024

Il-GWU tiddikjara tilwima industrijali ma’ NetEnt u Evolution Gaming Group

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union iddikjarat tilwima industrijali ma’ NetEnt u Evolution Gaming Group b’rabta mat-tkeċċija ta’ numru ta’ ħaddiema ta’ NetEnt wara proprju dak li ġara aktar kmieni din il-ġimgħa fejn il-ħaddiema kollha li kienu jaħdmu mal-kumpanija “Netent” ġew mgħarrfa mill-maniġment tal-kumpanija l-ġdida – “Evolution” – li l-impieg tagħhom ġie terminat b’mod immedjat, bl-istess ħaddiema jikkuntattjaw lill-General Workers’ Union biex tissalvagwardja l-interessi tagħhom. 

Fi stqarrija l-GWU qalet li kellha tiddikjara tilwima industrijali wara li l-kumpaniji inkwistjoni dawn naqsu li jirrikonoxxu lill-GWU bħala rappreżentanta tal-ħaddiema għall-iskop ta’ sensji kollettivi skont ir-Regolamenti dwar Sensji Kollettivi.

Il-GWU qalet ukoll li iż-żewġ kumpaniji rrifjutaw li jipprovdu lill-Union dikjarazzjoni bil-miktub li tagħti l-informazzjoni rilevanti kollha u, li jinkludi r-raġunijiet għas-sensji, in-numru ta’ impjegati li bi ħsiebhom jagħtuhom is-sensja, in-numru ta’ impjegati li normalment jimpjegaw, il-kriterji proposti għall-għażla tal-impjegati li ser jiġu ssensjati, dettalji dwar xi kumpens dovut għal temm ta’ kuntratt ta’ servizz li huma dovuti u l-perjodu li tulu s-sensji ser jingħataw.

L-Unjin saħqet li fit-tkeċċija tal-ħaddiema nkisru b’mod sħiħ ir-Regolamenti dwar Sensji Kollettivi (Ħarsien ta’ l-Impiegi), u tar-Regolamenti dwar Ħarsien tal-Impiegi fit-Trasferiment ta’ Negozju.

Il-GWU żammet id-dritt li tieħu azzjonijiet industrijali bl-iskop li titmexxa ‘l quddiem it-tilwima tax-xogħol, u dan b’effett immedjat.

L-Unjin kellha tiddikjara din it-tilwima industrijali peress li l-kumpaniji tal-gaming ma wrew ebda rieda li jikkonsultawha, bħala rappreżentanta tal-ħaddiema, sabiex jiġu evitati sensji kollettivi fis-settur tal-igaming. Il-kumpaniji huma rapportati li qed jippjanaw li jkeċċu ‘l fuq minn 300 ħaddiem, u ma għamlu ebda sforz biex dawn is-sensji jkunu evitati. Barra hekk jirriżulta wkoll li l-kumpaniji qed jużaw tattiċi u prattiċi anti-trejdunjonistiċi.

Sport