Il-General Workers’ Union iddikjarat tilwima industrijali mal-Fondazzjoni Dar il-Hena (FDH) dwar il-fatt li qed jitħalla ħaddiem wieħed assenjat fix-xift mal-klijenti li jmorru f’dawn ix-xelters għall-kenn.
It-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi tal-GWU talbet kjarifika kif ittieħdet id-deċiżjoni mingħajr konsultazzjoni mal-GWU fejn il-Fondazzjoni kkonfermat dan it-tibdil.
B’hekk il-GWU infurmathom li mhux taqbel mar-risposta u tisħaq li minħabba s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema dejjem irid ikun hemm minn tal-inqas żewġ ħaddiema f’dawn ix-xelters.
Il-GWU dejjem tisħaq li s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol hija fundamentali u għaldaqstant iddikjarat tilwima industrijali. Qiegħda tinforma wkoll lid-DIER biex tissorvelja l-proċess u titwaqqaf laqgħa ta’ medjazzjoni.