It-Taqsima Marittima u Avjazzjoni fi ħdan il-General Workers’ Union (GWU) irreġistrat il-ħames tilwima industrijali mal-RSSL fi żmien tliet xhur. Dan juri sinjal ċar ta’ tħassib serju u problemi kontinwi kif ukoll nuqqas ta’ koperazzjoni mill-kumpanija.
It-Taqsima waslet biex tirreġistra din it-tilwima mad-DIER (Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tax-Xogħol) relatata ma’ ksur tal-ftehim tal-eks ħaddiema tal-AirMalta, li għażlu li jżommu mpjieg alternattiv. Ħaddiema li taw snin twal ta’ servizz leali u professjonali lejn pajjiżna, li jistħoqqilhom trattament ġust, fejn il-kundizzjonijiet bażiċi tagħhom ma jiġux imnaqqsa jew miċħuda.
Wara diversi tentattivi mill-GWU biex titranġa s-sitwazzjoni, ma kien hemm l-ebda rispons sodisfaċenti. Il-GWU ma tistax tinjora dan in-nuqqas ta’ koperazzjoni li qed ipoġġi pressjoni fuq id-drittijiet bażiċi tal-ħaddiema.
Hekk kif din hija l-ħames tilwima f’perjodu daqstant qasir, jeħtieġ li tittieħed azzjoni sabiex dawn is-sitwazzjonijiet ma jibqgħux jinħolqu. Filwaqt li l-GWU qed tirriserva d-dritt li tieħu passi ulterjuri biex jissolva dan it-tilwim, tibqa’ totalment impenjata biex tiddefendi d-drittijiet tal-ħaddiema u tiżgura li l-kundizzjonijiet tagħhom jiġu mħarsa u rispettati.