F’laqgħa li kellha l-General Workers’ Union (GWU) mal-Membru Parlamentari u kelliem ewlieni tal-Gvern fuq it-Teknoloġija u l-Intelliġenza Artifiċjali (IA) Ray Abela ġie diskuss kif ukoll ippreżentat dokument strateġiku li jindirizza l-irwol kruċjali tal-unjin fil-bidla diġitali u l-użu tal-IA fil-qasam tax-xogħol.
Il-pjan jinkludi miri ċari ffokati fuq numru ta’ pilasti għal tisħiħ fit-taħriġ professjonali, tisħiħ tad-drittijiet tal-ħaddiema fl-era diġitali, u l-ħolqien ta’ qafas etiku għall-użu tal-IA fuq il-post tax-xogħol.
Matul id-diskussjoni Abela enfasizza fuq l-aċċess inklussiv għal opportunitajiet diġitali, il-modernizzazzjoni tal-operat tal-unjin u l-promozzjoni ta’ impjiegi ġodda f’setturi strateġiċi bħall-AI, l-ekonomija ħadra u l-loġistika.
“Il-GWU tinsab fuq quddiem nett fil-ħidma tagħha għal din il-bidla li tinsab diġà fostna. Qegħdin niltaqgħu ma’ diversi sfidi innovattivi li qed jolqtu lill-ħaddiema tagħna meta qegħdin jiġu biex jadattaw għal diversi sistemi ġodda. Filwaqt li huwa importanti li nimplimentaw dawn l-innovazzjonijiet, madankollu rridu naraw li nkunu ta’ għajnuna biex il-ħaddiema jadattaw ruħhom,” qal is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja.
Infatti huwa semma’ li fost l-istrateġiji tal-GWU hemm inizjattivi ta’ upskilling u reskilling biex il-ħaddiema jitgħallmu l-ħiliet diġitali u tekniċi, tfassil mill-ġdid tar-rwoli tax-xogħol tagħhom biex jinkorporaw l-IA.
Is-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi Riccarda Darmanin qalet li l-GWU qed tippromwovi l-kollaborazzjoni bejn il-bniedem u l-AI u tħeġġeġ it-tranżizzjoni għal rwoli ġodda relatati. Bħalissa flimkien ma’ pajjiżi oħrajn l-GWU qiegħda tagħti s-sehem tagħha wkoll fi proġett dwar l-immaniġġjar effettiv tal-intelliġenza artifiċjali fil-qasam tax-xogħol.
“Nemmen li l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta ta’ kollox, u rridu niżguraw li t-taħriġ fil-ħiliet ġodda, speċjalment dawk teknoloġiċi u relatati mal-IA, ikun il-pedament ta’ Malta ta’ għada. Pajjiżna għandu bżonn investiment fit-talent lokali biex ikollna ħaddiema u riżorsi umani b’saħħithom,” saħaq Abela.
Dr Patrick Camilleri, Senior Lecturer fil-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta fuq Tmexxija għat-Tagħlim u Edukazzjoni Diġitali u l-Innovazzjoni qal li jinsab vera kburi u sodisfatt li ġie mistieden għal din il-laqgħa daqshekk importanti u unika rigward l-adotazzjoni u l-adattazzjoni tagħna lejn l-Intelliġenza Artifiċjali.
“Bħala akkademiku li nispeċjalizza fuq it-trasformazzjoni diġitali u l-Intelliġenza Artifiċjali nammetti lil-mod ta’ kif żviluppat u żvolgiet id-diskussjoni minn dawk kollha preżenti, irrealizzajt b’mod tanġibbli kemm huwa importanti li mhux biss inkunu reattivi imma iżjed u iżjed proattivi. Gandna nippjanaw b’mod ħolistiku biex kemm ekonomikament kif ukoll b’mod soċjali ngħallmu u nippreparaw lil kulħadd għal din il-bidla li l-Intelligenza Artifiċjali u t-Teknoloġija ta’ awtonomija qiegħda ġġib magħha,” qal Dr Camilleri.
Żied jgħid li ħarġet ċara l-importanza ta’ kif għandu jitfassal it-tagħlim, anke għal dawk li diġ qegħdin fuq il-post tax-xogħol, biex barra li ninvolvu lil kulħadd nitgħallmu nagħrfu u niskopru orizzonti ġodda li definittivament se jgħinuna ngħixu ħajja iżjed moderna u aħjar.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri, kif ukoll Noel Abela u Paul Dalli, li akkumpanjaw u assistew lill-Membru Parlamentari Ray Abela.