Sunday, December 22, 2024

Il-GWU tiffirma MOU maċ-Ċentru Ewropew għall-Paċi u l-Iżvilupp

Titjib fil-ħiliet u l-kompetenzi tal-ħaddiema b’aktar opportunitajiet ta’ taħriġ

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union iffirmat Memorandum of Understanding maċ-Ċentru Ewropew għall-Paċi u l-Iżvilupp/UPeace University stabbilita min-Nazzjonijiet Uniti bil-għan li l-ħaddiema jingħataw l-opportunità li jitħarrġu fid-diplomazija sabiex f’każ li jkun hemm xi vakanza, ikunu jistgħu japplikaw għaliha. B’dan il-ftehim, l-unjin se tkun qiegħda toffri l-faċilitajiet tagħha b’appoġġ ukoll għal korsijiet speċifiċi tal-Ingliż.

L-iffirmar tal-MOU f’isem il-GWU sar mis-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja filwaqt li għall-ECPD/UPeace University iffirma Prof. Paolo Sabbatini li huwa wkoll l-Ambaxxatur għall-Komunikazzjoni Kulturali bejn iċ-Ċina u l-Italja. Preżenti kien hemm ukoll id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri u Riccardo Travaglini li huwa konsulent tal-EURES u Business Developer.

Fil-kummenti tiegħu wara l-iffirmar tal-ftehim, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja fisser kif din hija kisba oħra importanti għall-GWU. Huwa sostna li b’dan l-MOU se jkomplu jiżdiedu l-kompetenzi u l-ħiliet tal-ħaddiema, kemm tal-Maltin kif ukoll tal-barranin li jiġu fostna biex jistudjaw u jagħmlu użu mill-faċilitajiet li toffri l-unjin, fosthom l-Iskola tal-Ingliż li tagħti korsijiet speċifiċi għas-setturi partikolari.

Is-Sur Bugeja spjega wkoll kif iż-żewġ naħat se jkunu qed jikkollaboraw flimkien biex jipparteċipaw f’forums kemm f’Malta kif ukoll barra mill-pajjiż fejn isir qsim ta’ ideat u anke prinċipji biex titkattar il-paċi fid-dinja għall-benefiċċju tal-ħaddiema kollha. “Dak huwa l-għan tal-GWU li tkattar il-paċi biex noħolqu aktar ġid u stabbilità fil-kwalità u l-ħajja taċ-ċittadini,” huwa temm jgħid.

Min-naħa tiegħu, Prof. Paolo Sabbatini stqarr li jemmen bis-sħiħ li l-kollaborazzjoni bejn l-attivitajiet li jkattru l-paċi offruti mill-Università li huwa qed jirrappreżenta u l-ideat li għandha l-GWU jistgħu jaħdmu f’sinerġija flimkien. Qal li kien għalhekk li nsista sabiex jiġi ffirmat dan l-ewwel MOU bejn iż-żewġ naħat sabiex jaħdmu aktar fil-qrib biex tinbena l-paċi permezz ta’ riċerka akkademika.

Ekonomija

Sport