Il-General Workers’ Union (GWU) tikkundanna bil-qawwa kollha l-attitudnijiet razzisti, l-imġieba ostili, u t-tixrid tal-biża’ mmirati lejn persuni barranin li jgħixu u jaħdmu f’Malta. Filwaqt li huwa minnu li diversi bliet u rħula Maltin esperjenzaw żieda fir-residenti barranin, din ir-realtà qatt m’għandha tintuża biex tiġġustifika d-diskriminazzjoni jew l-intimidazzjoni.
“Ċerti lokalitajiet raw tibdil demografiku, però dan qatt ma għandu jkun użat fi kliem populist li jwassal għall-mibegħda kontra persuni barranin. Hija tal-mistħija kif nies jużaw ir-razza biex ibeżżgħu lin-nies tal-lokalitajiet tagħna,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja. “Iż-żieda fil-komunitajiet barranin ma tagħti lil ħadd id-dritt li jxerred il-mibegħda jew jinstiga l-biża’. Ir-razziżmu mhux aċċettabbli fl-ebda forma — qatt u qatt.”
Il-GWU tenfasizza li l-konċentrazzjoni ta’ ħaddiema barranin hija r-riżultat ta’ ħtiġijiet ekonomiċi u ħafna minnhom imorru f’ċerti lokalitajiet minħabba l-prezz u d-distanza lejn il-post tax-xogħol.
“Il-ħaddiema barranin f’Malta huma ħtieġa u jimlew rwoli essenzjali fis-setturi tal-kostruzzjoni, l-ospitalità, il-kura tas-saħħa ul-ħwienet fost oħrajn. Huma jgħinu biex isostnu t-tkabbir ekonomiku tagħna u jżommu s-servizzi vitali għaddejin, iħallsu t-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali. Kieku ma hawnx dawn il-ħaddiema ċerti setturi jikkollassaw.”
Huwa żied jgħid li l-ħaddiema jiġu Malta biex jaqilgħu l-għajxien tagħhom. Jinsabu hawn għax l-ekonomija tagħna teħtieġ il-kontribut tagħhom.
Biex ikun indirizzat kull tħassib dwar in-numru ta’ residenti barranin f’ċerti lokalitajiet Maltin, il-GWU titlob soluzzjonijiet prattiċi bbażati fuq il-pjan ta’ integrazzjoni, u mhux il-biża’. Il-GWU tenfasizza li dawn l-isfidi jridu jiġu indirizzati permezz ta’ politika u diskors responsabbli u kooperazzjoni, filwaqt li jinżammu rispett u dinjità sħiħa għall-ħaddiema kollha. Żgur li dawn l-isfidi ma jiġux solvuti billi noqogħdu nbeżżgħu lin-nies u noħolqu l-mibegħda lejn persuni għall-bażi ta’ ġens.


