Monday, December 23, 2024

IL-GWU TIKSEB GĦARFIEN EWLIENI FIL-MALTA AIR

Aqra wkoll

Minn CLAUDIO COLEIRO

…irtirata t-terminazzjoni tal-impjieg ta’ 40 membru tal-ekwipaġġ

Il-General Workers’ Union kisbet l-għarfien ewlieni fil-kumpanija Malta Air wara li proċess ta’ verifika kkonkluda li l-union għandha l-maġġoranza tal-ħaddiema tal-Cabin Crew u Crew Supervisors li huma bbażati f’Malta bħala msieħba tagħha.

Il-linja tal-ajru Malta Air, sussidjarja tal-kumpanija Ryanair, twaqqfet uffiċjalment f’Ġunju tas-sena 2019. Wara li l-ħaddiema tal-Malta Air avviċinaw lill-unjin biex tiddefendihom, il-GWU talbet lid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER) biex jinbeda l-proċess ta’ rikonoxximent fi ħdan il-kumpanija skont il-liġi.

F’dawn l-aħħar jiem, il-GWU kienet informata mid-DIER li hija tgawdi l-appoġġ ta’ 94% tal-imsemmija impjegati u għalhekk għandha tingħata l-għarfien ewlieni fi ħdan il-kumpanija.

F’kummenti li għadda lil dan il-ġurnal, is-Segretarju tat-Taqsima GWU Marittima u Avjazzjoni Sandro Vella qal li l-pass li jmiss huwa li jibdew isiru laqgħat kostruttivi bejn il-GWU u l-maniġment tal-kumpanija, bl-unjin se tara li jiġu organizzati dawn il-ħaddiema biex ikunu mħarsa d-drittijiet tagħhom u jingħataw dak kollu dovut lilhom.

Huwa sostna li l-GWU qed tassigura li ħlasijiet pendenti li ma ngħatawx lill-ħaddiema qabel faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19, jingħatawlhom fi żmien qasir. “Wieħed jistenna li kumpanija li ġġorr isem Malta taġixxi b’responsabbiltà mal-ħaddiema tagħha biex tkun ta’ eżempju fl-Ewropa u fid-dinja,” tenna s-Segretarju Vella.

Huwa temm jinnota wkoll b’sodisfazzjon li t-terminazzjoni tal-impjieg ta’ 40 membru tal-Cabin Crew ġiet irtirata u issa bdew iseħħu l-ewwel titjiriet minn u lejn Malta li jagħtu tama lil dawn il-ħaddiema kif ukoll jawgura tajjeb għas-suċċess tal-kumpanija li wara kollox tagħti l-ħobża ta’ kuljum lil mijiet ta’ ħaddiema.

Ekonomija

Sport