Friday, September 12, 2025

Il-GWU tikseb pakkett finanzjarju vantaġġjuż għall-ħaddiema ta’ Carlo Gavazzi

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union (GWU) laħqet ftehim fil-prinċipju mal-kumpanija Carlo Gavazzi Ltd. dwar pakkett finanzjarju għall-ħaddiema li ser ikunu qed jitilfu l-impjieg tagħhom.

Dan il-ftehim, li ntlaqa’ b’sodisfazzjon kbir mill-ħaddiema, jiżgura kumpens xieraq f’dan iż-żmien diffiċli għalihom u l-familji tagħhom.

Il-qbil intlaħaq wara diskussjonijiet intensivi, diffiċli u twal, immexxija mis-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja, u s-Segretarju tat-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni, David Darmanin, d-designate Segretarju tal-istess Taqsima, Jason Gatt, u l-konsulent legali tal-unjon flimkien mat-tmexxija tal-kumpanija.

Wara li informa lill-ħaddiema dwar dan is-suċċess, is-Segretarju tat-Taqsima David Darmanin stqarr: “Kuntent ħafna li l-ħaddiema laqgħu dan il-ftehim b’mod pożittiv. Issa li hemm qbil fuq il-prinċipji ewlenin, nistennew li l-ftehim jiġi ffirmat formalment fil-jiem li ġejjin. Irrid nirringrazzja lill-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM), li kien bilqiegħda magħna fuq l-istess mejda tan-negozjati. Il-kollaborazzjoni kienet sħiħa u ħdimna flimkien għall-ġid tal-ħaddiema kollha.”

Fix-xhur li ġejjin, meta s-sensji jibdew iseħħu, il-GWU se tkompli tassisti lil dawn il-ħaddiema biex jintegraw mill-ġdid fid-dinja tax-xogħol, billi tgħinhom isibu impjieg ma’ kumpaniji lokali li qed ifittxu persunal b’esperjenza.

Il-GWU tibqa’ kommessa li tiddefendi d-drittijiet u l-interessi tal-ħaddiema f’kull ċirkostanza.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport