It-Taqsima Marittima u Avjazzjoni fi ħdan il-General Workers’ Union kisbet ir-rikonoxximent uffiċjali bħala r-rappreżentant ewlieni tal-ħaddiema ingaġġati ma’ Challenge Air Cargo Ltd fil-gradi ta’ Junior First Officers, First Officers u Kaptani.
Dan l-eżerċizzju seta’ jitwettaq wara li l-maġġoranza tal-ħaddiema f’dawn il-gradi għarfu l-benefiċċji li jingħaqdu fl-akbar unjin tal-pajjiż, il-General Workers’ Union. Ir-rikonoxximent uffiċjali ngħata wara proċess ta’ verifika mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg, li kkonkluda li l-maġġoranza tal-ħaddiema huma membri mħallsa tal-Union.
Il-GWU tibqa’ kommessa lejn il-membri tagħha u tħares ’il quddiem biex tibda diskussjonijiet mal-kumpanija sabiex, b’kollaborazzjoni, twassal kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar lill-membri tagħha. It-Taqsima rringrazzjat lill-membri tal-fiduċja tagħhom u lir-rappreżentanti li ħadmu b’determinazzjoni biex tissaħħaħ l-għaqda fost il-ħaddiema.

