Friday, May 16, 2025

Il-GWU tikteb lill-kumpaniji kollha li jimpjegaw nies għat-tqassim ta’ prodotti u ikel permezz ta’ pjattaformi diġitali biex jirregolaw ruħhom b’mod immedjat

Aqra wkoll

It-Taqsima Ospitalità u Ikel fi ħdan il-General Workers’ Union kitbet lill-kumpaniji kollha li jipprovdu s-servizz ta’ tqassim ta’ prodotti u ikel permezz ta’ pjattaformi diġitali biex jirregolaw ruħhom skont il-liġi b’mod immedjat.

Skont l-Ordni tar-Regolamentazzjoni tax-Xogħol (World Regulation Order) li tirregola l-Ħaddiema tal-Pjattaforma Diġitali (SL452.127) dawn il-kumpaniji mhumiex konformi mal-istandards legali minimi għall-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol applikabbli għal dawn il-ħaddiema.

Dan sar wara li matul l-aħħar ġimgħat, is-Segretarju tat-Taqsima Kevin Abela ltaqa’ ma’ numru sinifikanti ta’ impjegati li lmentaw dwar in-nuqqas ta’ konformita ma’ dak li tipprovdi l-liġi u l-kundizzjonijiet ta’ xogħol tagħhom.

“Għalhekk fid-dawl ta’ dawn l-ilmenti ripetuti u ksur ċar tal-liġi, aħna qed nitolbu li dawn il-kumpaniji jirregolaw ruħhom mal-liġi b’mod immedjat,” saħaq Kevin Abela.

Il-Taqsima ddikjarat li f’każ li l-GWU tibqa’ ma tingħata l-ebda tweġiba dwar dawn l-irregolaritajiet, minn nhar is-Sibt 17 ta’ Mejju 2025 minn 12:00pm ‘il quddiem it-tqassim ta’ prodotti u ikel  mhux se jkun garantit li jsir kollu u fil-ħin mingħajr interruzzjoni.

It-Taqsima qed iżżomm id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg informat dwar is-sitwazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema.  

Intant matul dawn il-jiem aktar ħaddiema tal-pjattaforma komplew jersqu lejn it-Taqsima.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport