Friday, March 20, 2026

Il-GWU tilqa’ l-adozzjoni tal-opinjoni dwar il-Battery Booster Strategy mill-EESC

Tkabbir sostenibbli u impjiegi ta’ kwalità għall-ħaddiema fl-Ewropa

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union (GWU) tilqa’ b’sodisfazzjon l-adozzjoni ta’ din l-opinjoni strateġika mill-plenarja tal-European Economic and Social Committee (EESC) dwar il-Battery Booster Strategy, immexxija mir-rapporteur Jason Deguara, li huwa wkoll il-President tal-GWU.

Dan il-pass importanti jimmarka progress lejn tisħiħ tal-bażi industrijali tal-Ewropa, filwaqt li jiżgura li s-sostenibbiltà, l-innovazzjoni u xogħol ta’ kwalità jibqgħu fil-qalba tat-tranżizzjoni ekoloġika.

Il-GWU tinnota b’sodisfazzjon l-enfasi qawwija fuq prodotti “Made in Europe” ta’ kwalità għolja, kompetizzjoni ġusta, u l-bżonn li l-investiment pubbliku jkun marbut ma’ xogħol diċenti, drittijiet soċjali u konformità sħiħa mal-istandards tal-UE.

L-Unjoni tappoġġja wkoll l-approċċ inklużiv tul il-katina tal-valur tal-batteriji, sabiex il-ħaddiema, l-SMEs u l-industriji lokali jibbenefikaw minn opportunitajiet ġodda flimkien ma’ żviluppi industrijali fuq skala kbira.

Il-GWU terġa’ tafferma li l-kompetittività tal-Ewropa trid timxi id f’id ma’ protezzjoni b’saħħitha tal-ħaddiema, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, djalogu soċjali u investiment fil-ħiliet, hekk kif is-settur ikompli jikber.

Fl-aħħar nett, il-GWU tifraħ lil Jason Deguara għat-tmexxija tiegħu f’din l-opinjoni strateġika li ħadem fuqha meta kien għadu jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Internazzjonali fi ħdan il-GWU u ttenni l-impenn tagħha li tappoġġja politiki li jwasslu għal tkabbir sostenibbli u impjiegi ta’ kwalità għall-ħaddiema madwar l-Ewropa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport