It-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi fi ħdan il-General Workers’ Union (GWU) iltaqgħet ma’ uffiċjala minn HSBC Malta biex tiddiskuti u tingħata aktar għarfien dwar is-sitwazzjoni preżenti hekk kif se jsir bejgħ tal-ishma lil Crediabank. Il-GWU tirrappreżenta ħaddiema non-klerikali fi ħdan l-HSBC Malta permezz ta’ Ftehim Kollettiv.
F’laqgħa li kellha l-amministrazzjoni tal-GWU, flimkien mas-Segretarju tat-Taqsima Riccarda Darmanin, u żewġ rappreżentanti tal-ħaddiema non-klerikali, mal-Kap tar-Riżorsi Umani tal-HSBC David Perotti u l-avukata Chantelle Coleiro, is-Segretarju saħqet li l-ħaddiema kemm dawk li jaħdmu ma’ HSBC Malta kif ukoll l-eks-impjegati, li kienu ta’ kontribut biex il-bank kiber f’pajjiżna matul dawn l-aħħar snin, għandhom jingħataw kumpens xieraq għas-sehem li dejjem taw biex dan it-tkabbir seta’ jseħħ u b’hekk il-bank HSBC kien parteċipi kbir fl-ekonomija ta’ Malta.
“Bħalma dejjem għamilna aħna bħala trejd unjin qed inżommu kuntatt mal-maniġment ta’ HSBC Malta biex inżommu ruħna aġġornati b’dak li jkun qed iseħħ matul din it-tranżizzjoni sabiex meta sseħħ tkun għall-ġid tal-ħaddiema li nirrappreżentaw,” saħqet Riccarda Darmanin.
Għal din il-laqgħa kienu preżenti s-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja u l-President tal-GWU Victor Carachi.