Wednesday, October 1, 2025

Il-GWU tiltaqa’ mal-Ambaxxatriċi tal-Kosta tal-Avorju l-E.T. Nogozene Bakayoko

Tisħiħ fir-relazzjonijiet bilaterali għal aktar integrazzjoni

Aqra wkoll

Fil-laqgħa li kellha l-amministrazzjoni tal-General Workers’ Union mal-Ambaxxatriċi tal-Kosta tal-Avorju, l-E.T. Nogozene Bakayoko, it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Kosta tal-Avorju, b’enfasi fuq il-kollaborazzjoni bejn l-unjins tal-ħaddiema kienu ċ-ċentru ta’ diskussjoni. Tkellmu fuq l-importanza tal-unjins fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-potenzjal għall-kollaborazzjoni fuq l-aħjar prattiċi. L-Ambaxxatriċi Nogozene Bakayoko esprimiet l-impenn tagħha li ttejjeb ir-relazzjonijiet diplomatiċi, fejn għamlet referenza għal-laqgħa li kellha mal-President ta’ Malta l-E.T. Myriam Spiteri Debono. 

“It-trejd unjins huma importanti kullimkien hekk kif huma l-leħen tal-ħaddiema meta jittieħdu deċiżjonijiet importanti kemm lokalment u kif ukoll dawk internazzjonali. Għalhekk nixtieq li nikkoperaw flimkien u nimxu ‘l quddiem bl-istess ideat,” qalet l-E.T. Nogozene Bakayoko.

Żiedet tgħid li fil-pajjiż tagħha għandhom qbil bejn il-unjins u l-Gvern li ma jistrajkjawx b’mod li jipparalizza l-pajjiż, u minflok jiddiskutu s-sitwazzjoni u jippruvaw jilħqu kompromess. B’hekk jippermettu stabbiltà u progress. Saħqet li hemm bżonn aktar ħidma biex fis-soċjetajiet u l-postijiet tax-xogħol ikun hemm aktar inklużjoni u sinerġija. 

Il-President tal-GWU Victor Carachi aċċenna fuq l-importanza tat-trejd unjins f’pajjiżna, li huma sħab soċjali fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, fejn f’dan il-Kunsill flimkien mal-imsieħba soċjali u l-Gvern jittieħdu numru ta’ deċiżjonijiet importanti fl-iżvilupp ekonomiku u soċali tal-pajjiż u l-poplu inġenerali. Saħaq li dritt tal-istrajk huwa dritt fundamentali u għall-unjins kemm f’Malta u kif ukoll barra minn xtutna dan id-dritt huwa sagrosant.

Id-Deputat Segretarju tal-GWU Kevin Camilleri spjega l-prattiċi li jintużaw mit-trejd unjins f’pajjiżna meta jkun hemm nuqqas ta’ qbil u meta jinqalgħu sitwazzjonijiet b’nuqqas ta’ konverġenza f’kumpaniji organizzati, fejn kull tentattiv irid jiġi eżawrit biex tinstab soluzzjoni, permezz tal-istrutturi li hemm fid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg (DIER) fejn illum li tpoġġi madwar mejda u tikkonċilja, huwa pass importantissimu fil-proċess. Biss jekk dan il-proċess ifalli allura l-unjin tirrikorri għall-aktar arma b’saħħitha li għandu l-ħaddiem ċioe’ d-dritt ta’ azzjoni industrijali.

Kevin Camilleri tenna li bosta politiċi fosthom dik tal-migrazzjoni jgħinu hafna fl-inklużjoni imma saħaq li l-pass li jmiss hija politika ħolistika li titratta l-integrazzjoni u l-inklużjoni b’mod li ssib sinerġija fil-komunitajiet. 

Iż-żewġ partijiet esprimew interess li jitgħallmu mill-esperjenzi ta’ xulxin u jesploraw opportunitajiet għal kooperazzjoni bejniethom speċjalment għal aktar għarfien dwar il-kulturi tal-pajjiżi li jwasslu għal tisħiħ fl-integrazzjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport