Fil-laqgħa li kellha l-amministrazzjoni tal-General Workers’ Union (GWU) mal-Ambaxxatur tat-Tuneżija, l-E.T. Zouheir Bouras, it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u t-Tuneżija, il-ħaddiema u t-turiżmu kienu fiċ-ċentru tad-diskussjoni. Tkellmu fuq l-importanza tal-kollaborazzjoni biex issir ħidma konġunta fost oħrajn għall-ħaddiema Tuneżini f’Malta.
“Il-ħidma tat-trejd unjins hija importanti għall-ħaddiema meta jittieħdu deċiżjonijiet importanti kemm lokalment u kif ukoll dawk internazzjonali. Għalhekk nixtieq li nikkollaboraw flimkien biex inkunu ta’ għajnuna kemm għall-ħaddiema kif ukoll għal titjib fil-qasam tat-turiżmu,” qal l-E.T. Zouheir Bouras.
Huwa qal li f’Malta jgħixu madwar 1,000 persuna Tuneżina, ħafna minnhom jaħdmu bħala għaddasa fil-qasam tal-akwakultura. Jixtieq li permezz ta’ kollaborazzjoni mal-GWU dawn il-ħaddiema jingħataw l-appoġġ meħtieġ f’pajjiżna.
Semma’ wkoll li jara li hemm bżonn tissaħħaħ il-konnettivita bl-ajru biex tkun ta’ sostenn għall-qasam turistiku kemm f’pajjiżna kif ukoll fit-Tuneżija.
Is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja esprima li għall-GWU huwa ta’ pjaċir li jiltaqgħu u jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-ħaddiema barranin.
“Huwa ta’ pjaċir għalina li nikkollaboraw flimkien għall-aħjar interess tal-ħaddiema Tuneżini f’Malta. Tajjeb li niltaqgħu u nesploraw opportunitajiet għal aktar kooperazzjoni bejnietna,” qal Josef Bugeja.