Il-General Workers’ Union (GWU) ġiet infurmata formalment dalgħodu mill-maniġment ta’ Microtek Medical Malta Ltd. bl-intenzjoni tal-kumpanija li twaqqaf l-operat tagħha f’Malta.
F’laqgħa urġenti li saret aktar kmieni llum, il-kumpanija, li hija sussidjarja tal-multinazzjonali Amerikana Medline, infurmat lill-Union li wara tibdil globali tan-network tal-manifattura tagħha, ittieħdet id-deċiżjoni li l-produzzjoni tiġi konsolidata f’faċilitajiet akbar eżistenti bnadi oħra fl-Ewropa. Sfortunatament, dan ir-ristrutturar strateġiku jolqot il-faċilità lokali u jpoġġi f’riskju l-impjieg ta’ 96 ħaddiem.
Il-GWU ġiet infurmata li din id-deċiżjoni hija riżultat biss ta’ ristrutturar globali u bl-ebda mod ma tirrifletti fuq il-ħiliet, id-dedikazzjoni jew il-prestazzjoni tal-ħaddiema Maltin. Dan l-iżvilupp huwa partikolarment inkwetanti fid-dawl ta’ rapporti li jindikaw li Medline Industries qed tħejji għal Offerta Pubblika Inizjali (IPO) maġġuri, fatt li jissuġġerixxi li dan it-tnaqqis huwa xprunat minn xewqa li jimmassimizzaw il-valur tal-kumpanija a skapitu tal-ħaddiema leali tagħhom.
Ir-reazzjoni tal-Union kienet waħda immedjata. Filwaqt li l-GWU bħalissa qed tiddiskuti mal-kumpanija biex tikkontesta ż-żmien u t-termini ta’ dan il-proċess ta’ sensji biex tiżgura rispett sħiħ lejn il-liġi, l-enfasi ewlenija tagħha daret mill-ewwel fuq il-protezzjoni tal-għajxien tal-familji milquta.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja stqarr:
“Il-prijorità assoluta u immedjata tagħna huwa l-ġid ta’ dawn il-ħaddiema u l-familji tagħhom. Il-GWU tinsab għaddeja b’ħidma flimkien mal-Gvern u entitajiet oħrajn, tikkomunika ma’ numru ta’ kumpaniji kbar f’Malta li qed ifittxu ħaddiema b’dawk il-ħiliet li għandhom il-ħaddiema ta’ Microtek Medical Ltd.”
Il-GWU diġà tinsab f’djalogu mal-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi u waqqfet task force konġunta biex tmexxi din it-tranżizzjoni. Bħalissa l-Union tinsab f’kuntatt dirett ma’ diversi kumpaniji ewlenin tal-manifattura f’Malta li indikaw domanda immedjata għall-ħiliet li għandhom il-ħaddiema ta’ Microtek.
Biex tiffaċilita dan il-proċess, il-GWU qed tniedi linja ta’ appoġġ iddedikat. Dan il-helpline huwa miftuħ immedjatament għall-ħaddiema ta’ Microtek li jeħtieġu gwida individwali u għal employers li jixtiequ joffru impjiegi alternattivi. Jekk jogħġobkom ikkuntattjaw lil Mikela Muscat fuq 2567 9207.
Il-General Workers’ Union tibqa’ impenjata li tiżgura li kull impjegat milqut jingħata l-appoġġ, it-taħriġ u l-opportunitajiet ta’ impjieg alternattivi meħtieġa fl-iqsar żmien possibbli.


