Sunday, April 6, 2025

Il-GWU tingħaqad mal-ETUC b’appoġġ għad-Direttiva dwar il-Paga Minima li qed tiġi kkontestata fil-Qorti tal-UE

Josef Bugeja: “Huwa kritiku għall-proġett Ewropew li l-ħaddiema u t-trade unions tagħhom ikunu jistgħu jitħallew jibnu Ewropa ekwa u ġusta li fiha n-nies li jaħdmu jkunu jistgħu jgħixu b’dinjità”

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union ingħaqdet mas-sħab Ewropej tagħha biex tappella għal protezzjoni ta’ pagi deċenti u negozjar kollettiv, minħabba li d-Direttiva dwar Paga Minima Adegwata qed tiffaċċja sfida mid-Danimarka u mill-Iżvezja fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (CJEU).

“Id-Direttiva dwar Paga Minima Adegwata hija qabża kbira ‘l quddiem fit-twettiq tal-ambizzjonijiet soċjali tal-fundaturi tal-Unjoni Ewropea. Din hija liġi importanti ħafna. Kruċjali li tiġi sostnuta mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE fil-Lussemburgu,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja.

Aktar minn 20 miljun ħaddiem bl-inqas paga fl-UE jistgħu jiksbu żieda fil-paga meta d-Direttiva tiġi implimentata bis-sħiħ mill-istati membri. Barra minn hekk, il-maġġoranza l-kbira tal-ħaddiema f’19-il stat membru se jibbenefikaw minn negozjar kollettiv aktar b’saħħtu biex jiġu nnegozjati pagi u kundizzjonijiet aħjar.

“Id-Direttiva dwar il-Paga Minima hija essenzjali għal miljuni ta’ ħaddiema li jbatu biex ilaħħqu mal-ħajja u tibqa’ kruċjali biex jiżdiedu l-pagi madwar l-UE, jitnaqqsu l-inugwaljanza fil-pagi u l-faqar fost dawk li jaħdmu,” qal Bugeja.

“F’Malta, il-kunċett ta’ paga minima ilu fis-seħħ, u jistabbilixxi l-livelli nazzjonali tal-paga minima, ir-rati tas-sahra, u saħansitra jinkludi l-mekkaniżmu ta’ aġġustament għall-għoli tal-ħajja (COLA) li jappoġġa n-negozjar kollettiv. Madankollu, l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-UE se tkun ta’ benefiċċju għall-ħaddiema kollha ghax in-negozjar kollettiv jeħtieġ li jkopri 80% tal-ħaddiema,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU.

Bil-fatt li tippromwovi pagi aħjar, id-Direttiva dwar il-Paga Minima se tagħti spinta għall-konsum domestiku, fattur importanti biex l-ekonomiji jinżammu stabbli u biex javvanza l-progress soċjali.

Iżda l-opinjoni reċenti mill-Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-UE, Nicholas Emiliou, fil-kawża attwali hija ta’ inkwiet: għalkemm ma torbotx il-Qorti, din l-opinjoni taf tikkanċella l-aspirazzjonijiet ta’ ħafna għal ħajja aħjar u ddgħajjef l-appoġġ populari għall-proġett tal-UE.

Josef Bugeja qal li l-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC) diġà ppreżentat opinjoni legali alternattiva li tispjega għaliex l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali hija fundamentalment żbaljata, peress li tinjora l-prinċipji legali Ewropej stabbiliti li jirrikonoxxu l-valur ta’ xogħol deċenti, in-negozjar kollettiv, u l-awtonomija tas-sħab soċjali.

L-UE hija msejsa fuq id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, u l-UE trid tkun kapaċi tipproteġi u tippromwovi pagi deċenti u negozjar kollettiv. U preċiżament għal din ir-raġuni, il-kapitolu dwar il-politika soċjali fit-Trattati jrid jinftiehem bħala li jissodisfa skop ta’ bbilanċjar mill-ġdid fir-rigward tas-setgħat tal-UE.

Kif ikkonfermat mill-Qorti nnifisha, l-UE għandha skop mhux biss ekonomiku iżda wkoll soċjali, u t-Trattati jridu jinqraw b’mod ġenerali. Il-politiki ekonomiċi ma jistgħux idgħajfu l-objettivi soċjali tal-Unjoni.

Opinjoni żbaljata tal-Avukat Ġenerali

Fl-opinjoni tiegħu, l-Avukat Ġenerali injora l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, li tikkonferma li l-miżuri li ma jistabbilixxux livelli ta’ pagi individwali ma jikkostitwixxux interferenza diretta mal-esklużjoni tal-“paga” – prinċipju li fuqu ġew stabbiliti biċċiet importanti ta’ leġiżlazzjoni, inkluż dawk biex jiġu żgurati paga ugwali, paga tal-vaganzi, paga tal-maternità, paga ugwali għall-ħaddiema tal-aġenziji – biex insemmu xi wħud.

L-interpretazzjoni ‘ġdida’ tal-Avukat Ġenerali timmina wkoll l-awtonomija tas-sħab soċjali, pedament tal-mudell soċjali tal-UE, billi tissuġġerixxi li l-kompetizzjoni fil-pagi tiġġustifika l-esklużjoni mill-‘paga’.

“Dan huwa preċedent perikoluż li jhedded l-effettività tal-politiki soċjali tal-UE,” qal Bugeja. “Id-Direttiva tirrispetta d-diversità tas-sistemi nazzjonali tar-relazzjonijiet industrijali filwaqt li tippromwovi d-djalogu bejn il-maniġment u l-ħaddiema, bilanċ li huwa essenzjali għall-koeżjoni soċjali.”

Il-ħaddiema madwar l-Ewropa qed jiffaċċjaw kriżi tal-għoli tal-ħajja li rat tnaqqis fil-pagi reali, u huwa għalhekk li huwa meħtieġ li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jgħollu l-pagi tal-ħaddiema.

Il-moviment tat-trade unions dejjem se jkun attur ewlieni b’appoġġ għal sistema bbażata fuq ir-regoli li twassal għal ġustizzja għall-ħaddiema. Iżda ma jistax ikun li hekk kif il-ħaddiema jagħmlu pass ‘il quddiem, l-għanijiet jiġu mċaqalqa. L-interpretazzjoni mill-ġdid tat-trattati – f’kontradizzjoni diretta mal-ġurisprudenza – tkun żball fatali.

Huwa kruċjali għall-proġett Ewropew li l-ħaddiema u t-trade unions tagħhom ikunu jistgħu jkomplu jibnu fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti li tippermettilna nibnu Ewropa ekwa u ġusta li fiha n-nies li jaħdmu jistgħu jgħixu b’dinjità.

Kontro-opinjoni tal-ETUC dwar il-każ AMWD: https://www.etuc.org/en/pressrelease/etuc-launches-counter-opinion-minimum-wage-directive-case

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport