Monday, October 28, 2024

Il-GWU tipproteġi lill-membri tagħha carers li jaħdmu ma’ Support Services Ltd

Aqra wkoll

Diversi carers li jaħdmu mal-kumpanija Support Services Ltd. matul dawn il-ġranet se jieħdu l-ħlas dovut lilhom ta’ kors mandatorju li għamlu ftit xhur ilu wara l-ħin tax-xogħol tagħhom. Dan grazzi għall-ħidma u sforzi mit-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi, fi ħdan il-GWU. 

Fi stqarrija l-Unjin qalet li dawn il-ħaddiema membri tal-GWU kellhom jirrikorru għall-għajnuna tat-Taqsima tagħhom hekk kif wara li lestew il-kors obbligatorju li sar minn Support Servics Ltd. baqgħu ma tħallsux għal xhur sħaħ tas-sigħat li għamlu.

It-Taqsima nfurmat lill-maniġment li skont il-leġislazzjoni u l-Ftehim Kollettiv, għall-korsijiet obbligatorji li jsiru barra l-ħin tax-xogħol, il-ħaddiema għandhom jitħallsu b’rata tal-overtime. Iżda dan, ma kienx qiegħed jiġi onorat.

Wara li t-Taqsima tkellmet kemm-il darba mal-maniġment u bagħtet diversi korrispondenzi, fejn kull darba jiġi mwiegħed li se jitħallsu, matul ix-xhur, tħallsu biss uħud minnhom, filwaqt li diversi oħrajn xorta waħda baqgħu ma tħallsux sa ma t-Taqsima kellha tirrikorri għal tilwima industrijali biex tipproteġi lill-membri tagħha u tiġi indirizzata s-sitwazzjoni mid-DIER.

Kien hawnhekk li t-Taqsima rċeviet korrispondenza mill-maniġment ta’ Support Services Ltd. li tgħid li sa tmiem Awwissu se jsir il-ħlas dovut lil dawk il-ħaddiema li għadhom ma tħallsux u għalhekk it-Taqsima ssospendiet it-tilwima industrijali dejjem jekk jiġi onorat il-ħlas dovut.

Sport