Tuesday, January 27, 2026

Il-GWU tirbaħ żewġ sentenzi tal-appell kontra Ozo Resources Ltd. u WasteServ Malta Ltd

Aqra wkoll

It-tim ta’ avukati tal-GWU rebaħ żewġ sentenzi tal-appell fil-kawżi ta’ Neil Muscat u Antoine Zammit kontra Ozo Resources Limited (l-aġenzija tal-outsourcing) u WasteServ Malta Limited (il-kumpanija li qed tibbenefika mis-servizz).

Dawn iż-żewġ kawżi ġew imressqa mit-Taqsima Ospitalita u Ikel fi ħdan il-GWU f’isem il-membri tagħha sabiex tiġi kkontestata tkeċċija allegatament inġusta, kontra ż-żewġ ħaddiema, li minkejja li Ozo Resources Limited kienet qed taġixxi bħala aġenzija ta’ impjieg biex tipprovdi impejgati lil WasteServ Malta Limited, kienet il-WasteServ li dejjem eżerċitat kontroll dirett fuq dawn il-ħaddiema kemm kienu ilhom assenjati lilha. Din hija sitwazzjoni ta’ mpjieg li ħafna jsibuha bħala ‘tal-kuntrattur’.

Wasteserv oġġezzjonat għall-fatt li ġiet inkluża fil-proċeduri quddiem it-Tribunal Industrijali. Pero’ permezz ta’ deċiżjoni preliminari tat-Tribunal Industrijali ġie stabbilit li anke Wasteserv, minħabba l-irwol tagħha lejn il-ħaddiema għandha tibqa’ parti mill-proċeduri u twieġeb għat-talbiet tal-ħaddiema.

Minkejja li Wasteserv ressqet appell minn dawn id-deċiżjonijiet preliminari, permezz tas-sentenzi tal-Qorti tal-Appell mogħtija fit-23 ta’ Jannar 2026 dawn l-appelli ma ġewx milqugħa. Filwaqt li l-GWU rebħet dawn iż-żewġ sentenzi tal-appell fuq bażi proċedurali, b’dan il-mod ġiet ikkonfermata d-deċiżjoni tat-Tribunal Industrijali li Wasteserv, għalkemm mhijiex il-prinċipal uffiċjali li qed tħaddem lil dawn iż-żewġ ħaddiema, xorta bħala l-kumpanija li qed tibbenefika mis-servizz ta’ dawn il-ħaddiema, u li hi nvoluta fit-tmexxija u l-amministrazzjoni tal-impjieg tal-ħaddiema assenjati lilha b’livell ta’ kontroll dirett, għandha tibqa’ parti mill-proċeduri fit-Tribunal u twieġeb għat-talbiet tal-ħaddiema.

Dan ikompli jsaħħaħ id-drittijiet tal-ħaddiema ‘tal-kuntattur’ fuq il-lant ta’ dmirijiethom, fejn ir-responsabilita’ għal kundizzjonijiet ta’ xogħol xierqa u skont il-Liġi qiegħda tiġi estiża wkoll fuq l-impriżi utenti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport