Il-GWU tirtira t-tilwima industrijali li kienet iddikjarat lill-Energy and Water Agency (EWA) rigward nuqqas ta’ trasparenza kif ukoll nuqqas ta’ trattament xieraq lejn ħames ħaddiema membri involuti fil-proċess ta’ redeployment mill-Energy and Water Agency (EWA) għal mal-Climate Action Authority (CAA).
F’laqgħa bejn it-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa u l-Aġenzija ġie miftiehem bil-miktub li ir-redeployment tal-ħaddiema oriġina minn deċiżjoni strateġika relatata ma’ trasferiment ta’ funzjoni jew bidla fir-responsabbiltà fuq proġett partikolari. Filwaqt li l-ħames ħaddiema konċernati se jibqgħu jżommu d-designations li kellhom fl-EWA u l-pakkett ta’ remunerazzjoni li joħroġ mill-Ftehim Kollettiv prevalenti iffirmat bejn l-EWA u l-GWU. Arranġament li jibqa’ fis-seħħ sakemm l-istruttura ta’ salarji prevalenti fis-CAA, li se tiskadi fi tmiem l-2026, tiġi riveduta u mġedda għal terminu ġdid.
Dan il-ftehim ġew mgħarrfa bih il-ħaddiema involuti fit-trasferiment, filwaqt li ġiet irtirata t-tilwima industrijali.

