Wednesday, July 24, 2024

Il-GWU titlob li jissuktaw id-diskussjonijiet dwar il-futur tal-ħaddiema tal-Air Malta

Aqra wkoll

Wara bidu pożittiv fid-diskussjonijiet bejn il-General Workers’ Union u l-Air Malta li bdew fl-aħħar ġranet ta’ Settembru, l-unjin qalet li huwa inkwetanti l-fatt li fix-xahar ta’ Novembru ma komplewx isiru aktar laqgħat biex jiġu konklużi d-diskussjonijiet dwar il-Ftehim Kollettiv u l-kuntratti personali ta’ ħaddiema membri tal-GWU.

“Huwa importanti li wieħed jifhem li dawn il-ħaddiema qed jaħdmu qatigħ biex il-kumpanija l-ġdida tiftaħ il-bibien tagħha fiż-żmien stipulat, u fl-istess ħin qed jaħdmu biex ikompli l-operat tal-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta,” qalet il-GWU fi stqarrija.

Il-ħaddiema membri tal-GWU qed jistennew bil-ħerqa biex jiġu konklużi d-diskussjonijiet li se jaffetwaw il-futur tagħhom u għalhekk importanti li dawn il-ħaddiema jkollhom serħan il-moħħ sabiex ikomplu bil-ħidma li għandhom quddiemhom.

Is-suċċess tal-linja l-ġdida jiddependi mil-ħidma ta’ dawn l-impjegati li ġew imwegħda post tax-xogħol aktar fis-sod wara r-ristrutturar li seħħ is-sena li għaddiet.

It-Taqsima Marittima u Avjazzjoni fi ħdan il-GWU appellat biex il-leħen tal-ħaddiema jinstema’ meta qed jittieħdu d-deċiżjonijiet. Appellat ukoll għal ftehim ġust li ma jħallix fl-għama lil min baqa’ jaħdem biex l-Air Malta tibqa’ għaddeja ħalli jinkisbu r-riżultati pożittivi fit-turiżmu kif ukoll taqdi lill-industrija in ġenerali u lill-poplu Malti. Temmen u tisħaq li mhux ġust li dawn il-ħaddiema jibqgħu mdendlin meta bis-saħħa tagħhom biss jista’ jkun hemm tranżizzjoni siewja.

Ekonomija

Sport