Saturday, November 23, 2024

Il-GWU tlaqqa’ lill-ħaddiema tal-Awtorità tal-Artijiet bi tħejjija għall-iffirmar ta’ Ftehim Kollettiv ġdid

Aqra wkoll

Il-GWU organizzat laqgħa għall-ħaddiema membri tal-GWU li matulha ġiet spjegatha l-ħidma li qed issir mit-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi bi tħejjija għall-iffirmar ta’ Ftehim Kollettiv ġdid li se jiskadi f’Diċembru li ġej.

F’din il-laqgħa l-ħaddiema kellhom ukoll l-opportunità li jiddiskutu u jagħmlu s-suġġerimenti tagħhom dwar kif jistgħu itejbu kemm il-kundizzjonijiet tax-xogħol u anke l-operat tagħhom u tal-Awtorità. Fl-istess laqgħa l-ħaddiema membri ġew infurmati bil-ħidma inġenerali li l-GWU qed twettaq kif ukoll bil-benefiċċji li ġġib sħubija fil-GWU.

F’din il-laqgħa, Brian Bonnici, l-Assistent Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi wera kif il-GWU permezz tat-Taqsima hija dejjem disposta li tagħti l-aħjar servizz lill-membri u kif hi dejjem tinsab spalla ma’ spalla magħhom biex tagħtihom is-sostenn u l-appoġġ kollu li għandhom bżonn. Huwa spjega wkoll kif il-Unjin lesta li tibqa’ tikkopera mal-maniġment għall-ġid tal-Awtorità u jissarraf u jirrifletti f’ġid u titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.

Il-membri preżenti ġew mgħarrfa wkoll kemm hu mportanti li tikber u tissaħħaħ is-solidarjetà bejn il-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol u kif dan ma jistax iħalli frott jekk ikun hemm min egoistikament jaħseb għal rasu biss, fosthom  billi jfixklu l-ħidma tal-GWU. Sadanittant fl-istess laqgħa nħarġet sejħa ghall-ħatra ta’ shopsteward fejn ġie spejgat ukoll kemm ix-shopsteward u l-assistant shopsteward iridu tassew jirrappreżentaw lill-ħaddiema kollha  u li jkunu tassew il-vuċi ta’ kulħadd. Il-membri ġew imħeġġa wkoll joħolqu kumitat bejniethom li jkun rappreżentattiv għall-ħaddiema kollha.

Bħalissa t-Taqsima qed tkompli tilqa’ proposti oħra għall-Ftehim Kollettiv il-ġdid biex jitressqu fit-talbiet li jsiru lill-maniġment. Il-GWU se tibqa’ obbligata u fid-dmir li tikkonsulta mal-ħaddiema u li tirrapreżenta d-deċiżjonijiet finali tal-maġġoranza bil-għan li jgawdi kulħadd.
 

Sport