L-inċertezza kbira li spiċċaw fiha 80 student li kien qegħdin jistudjaw fil-European International University qabel din spiċċat bil-liċenzja revokata, flimkien mal-problema li spiċċaw bla status legali, qiegħda tkun trattata mill-General Workers Union (GWU), li mhux biss tat l-appoġġ tagħha lil dawn l-istudenti iżda bdiet ħidma bil-għan li dawn l-istudenti jingħataw status legali. Il-ħidma tal-General Workers Union (GWU), hi mmexxija mis-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel, Kevin Abela.
Proprju nhar il-Ġimgħa filgħodu dawn it-80 studenti inġabru fil-Workers Memorial Building u hemmhekk spjegaw is-sigwazzjoni tagħha. Prattikament sar magħruf li kull student għandu storja għalih għalkemm l-akbar tħassib għalihom hu li spiċċaw bla status legali u li kienu bla dokumenti għax dawn kien għadhom jinsabu fl-Università.
Fil-laqgħa l-istudenti spjegaw il-pożizzjoni tagħhom u anke għamlu diversi domandi lis-Segretarju Kevin Abela dwar is-sitwazzjoni tagħhom.
Il-ħidma tal-GWU b’risq dawn l-istudenti diġa qiegħda tagħti frott u dan hekk kif diġa hemm istituzzjoni li offriet lill-istess studenti korsijiet bi prezzijiet imraħħsa. Filfatt il-prezz tal-korsijiet għal dawn l-istudenti tnaqqsu b’40 fil-mija. Dan ifisser li kors li kien jiswa madwar €5,500, issa għal dawn l-istudenti se jkun jiswa €3,300.
Is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel tal-General Workers Union (GWU), Kevin Abela, qalilna li “dawn l-istudenti, huma vittmi. Hu każ ġenwin. L-akbar kwistjoni li għandhom hi l-istatus legali tagħhom f’Malta għax la għalqet l-università dawn l-iskop tagħhom spiċċa. Għandhom biss ftit jiem għad-dispożizzjoni tagħhom biex jitilqu minn Malta u joħorġu mit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Għandek 80 student milqutin minn din is-sitwazzjoni. L-istudenti qegħdin jgħidulna li hemm min għandu dokumenti tiegħu maqbudin fl-istess bini tal-università. Hemm il-kwistjoni tal-flejjes li tħallsu imma l-kors ma intemmx flimkien mal-fatt li issa qegħdin jgħidulhom ifittxu università oħra imma hemm min se jsibuha diffiċli biex isib università għall-kors li kellha fosthom dawk li kienu qegħdin jistudjaw il-mediċina.
Student li tkellem ma’ IT-TORĊA qalilna li “ninsabu grati ħafna għall-ħidma tal-GWU u tas-Segretarju Kevin Abela biex is-sitwazzjoni tagħna tkun riżolta. Apprezzajna ħafna l-intervent. Fil-bidu konna nħossuna waħedna. Issa nħossu li għandna appoġġ u li m’għadniex waħidna.”
Fi tmiem il-laqgħa spikka wieħed mill-istudenti Pakistani li qam bilwieqaf u rringrazzja personalment lis-Segretarju Kevin Abela tal-impenn tiegħu fil-kawża tagħhom. Wara segwa applaws ta’ ringrazzjament mill-istudenti kollha.