Il-General Workers’ Union (GWU) illum irreġistrat tilwima industrijali formali ma’ Carlo Gavazzi Limited. Dan wara li ġie żvelat il-pjan imminenti tal-kumpanija li ġġib ħaddiema barranin f’Malta għal handover tal-operat, minkejja li għadu ma ntlaħaq l-ebda ftehim dwar pakkett ta’ sensji għall-ħaddiema Maltin attwali.Il-union ikkundannat din il-mossa bħala att ta’ mala fede li jippreġudika fundamentalment in-negozjati li għaddejjin.
Il-kumpanija qed tħejji biex tittrasferixxi l-impjiegi tal-ħaddiema Maltin tagħha, li ilhom iservu għal snin twal, lejn l-impjanti tagħha fil-Messiku u ċ-Ċina, u issa qed tipprova tuża lil dawk l-istess ħaddiema biex tiffaċilita dan il-proċess qabel ma tkun assigurat il-futur tagħhom.
David Darmanin, Segretarju tat-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni fi ħdan il-GWU, stqarr: “Huwa ta’ insult għall-membri tagħna, li ħafna minnhom taw għexieren ta’ snin ta’ servizz leali, li jiġu mitluba jħarrġu lill-ħaddiema Messikani li se jeħdulhom posthom qabel ma Carlo Gavazzi tiggarantilhom pakkett ta’ kumpens ġust u dinjituż.
L-għerf u l-ħila tal-membri tagħna huma prezzjużi, u m’aħniex se nħallu li jiġu sfruttati waqt li l-futur tagħhom stess jibqa’ inċert.”Din it-tilwima kompliet tikber wara d-deċiżjoni tal-kumpanija li tostakola lill-union milli twettaq dmirha lejn il-membri tagħha. Il-maniġment irrifjuta li jagħti permess lill-GWU biex tuża n-notice board uffiċjali tal-union biex tinforma lill-impjegati dwar l-għajnuna biex isibu xogħol alternattiv u tiġbor is-CVs tagħhom, wieħed mill-modi ewlenin biex jittaffew l-effetti tas-sensji.Il-GWU rriżervat formalment id-drittijiet kollha tagħha bil-liġi u mhux se żżomm lura milli toħroġ direttivi għal azzjonijiet industrijali biex twaqqaf dan il-handover sakemm jintlaħaq ftehim ġust.
Il-union issejjaħ lill-kumpanija biex tissospendi l-pjanijiet ta’ handover tagħha u terġa’ lura għall-mejda tan-negozjati b’rieda tajba.