Il-General Workers’ Union permezz tat-Taqsima Forzi tad-Dixxiplina, Uffiċjali tas-Sigurtà u l-Infurzar tal-Liġi ħarġet direttiva lill-uffiċjali tas-sigurtà li jaħdmu mal-kumpanija Securital, stazzjonati fl-Isptar Mater Dei u fil-kliniċi hekk kif dawn ma ngħatawx l-arretrati ta’ Class Allowances, Shift Allowances u Meal Allowances (sptarijiet u kliniċi) b’effett mill-1 ta’ Jannar 2025.
Arretrati li għandhom jingħataw hekk kif permezz tal-Avviż Legali 128 tas-sena 2024 il-gvern għadda liġi fejn il-ħaddiema tal-kuntrattur li jagħtu servizz lill-gvern għandhom jirċievu ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur tal-ħaddiema fis-Servizz Pubbliku.
It-Taqsima għamlet dak kollu possibbli biex tasal għal ftehim madwar il-mejda u tat żmien aktar minn biżżejjed sabiex tevita tilwima industrijali. Minkejja dan, il-kumpanija Securital mhux qed timxi mal-obbligi tagħha skont il-liġi.
It-Taqsima lesta tibqa’ tiġġieled biex kull ħaddiem jieħu dak dovut lilu u skont il-liġi u mhux qed teskludi li toħroġ aktar direttivi jekk il-kumpanija tibqa’ ma timxix mal-obbligi legali tagħha.
Id-direttiva tibqa’ fis-seħħ sakemm jingħata avviż ieħor.



