Saturday, November 23, 2024

Il-GWU trid liġi li tirregola x-xogħol t’għada

Aqra wkoll

Il-GWU qed tinsisti li l-pajjiż iħejji qafas leġislattiv biex jirregola d-dinja tax-xogħol ta’ għada fosthom xogħol mid-dar u dak li jissejjaħ ‘platform economy’ fosthom xufiera li jqassmu l-ikel jew iwasslu n-nies b’vetturi u muturi nkluż tagħhom.

Kien is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja li saħaq dan waqt li kien qed jieħu sehem f’webinar organizzat min-Newsbook li ittratta l-ħajja wara l-Covid19.

F’dan is-seminar tkellmu fost oħrajn il-Prim Ministru Robert Abela, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, ix-Shadow Minister dwar il-Finanzi Mario de Marco u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia.

Bugeja beda l-intervent tiegħu billi fakkar kif għalkemm hemm ħafna waqfu jaħdmu u oħrajn qed jaħdmu mid-dar hemm ukoll mal-100,000 ħaddiem li baqgħu għaddejjin bix-xogħol normali tagħhom.

Dwar dawk li qed jaħdmu mid-dar fakkar kif lura fl-2008 huwa kien ħadem biex bħala miżuri ta’ ‘family friendly measures’ ikun hemm ukoll it-‘telework’ madankollu l-’employer’ li kien qed jiddiskuti miegħu ma tantx kien daqshekk favur minħabba biża’ fuq il-produttivita.

Bugeja irrimarka l-pandemija aċċelerat dan kollu u wasslet biex ħafna bdew jaħdmu mid-dar imma hawnhekk il-pajjiż jeħtieġ jindirizza l-kwistjonijiet diskussa diġa, fosthom tar-‘right to disconnect’. Aspetti oħra li jridu jiġu indirizzat huma l-estensjoni tal-post tax-xogħol u d-drittijiet tal-ħaddiema f’dan il-kuntest.

Huwa spjega kif il-fatt li ħafna qed jaħdmu mid-dar twassal għall-ħtieġa li jkun hemm linja bejn il-ħin tax-xogħol u l-ħin ta’ rilassament.

Waqt li wissa li din il-linja tista’ tintilef dan jista’ jwassal għal ħsara mentali fil-ħaddiem kemm-il darba l-ġurnata tax-xogħol titwal iktar minn kif jaħdem fuq il-post tax-xogħol.

Kien hawn li waqt li irrikonoxxa li min iħaddem irid jassigura li l-ħaddiem jibqa’ produttiv li Bugeja nsista li għandu jinħoloq qafas regolatorju li jittratta ċertu mistoqsijiet fosthom x’jiġri jekk persuna tweġġa’ waqt il-ħin tax-xogħol fid-dar.

Huwa enfasizza li għandu jkun hemm bilanċ bejn il-ħin fl-uffiċċju u d-dar u semma kif ħaddiem iżolat jista’ jbati mentalment minn dan u għalhekk hemm bżonn ta’ diskussjoni.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU enfasizza li l-qafas regolatorju jrid jiittratta wkoll kwistjonijiet bħal min se jħallas għad-dawl, l-internet u kompjuters użati għax bħalissa m’hemm xejn f’dan ir-rigward.

Sport