F’laqgħa li l-General Workers’ Union (GWU) kellha ma’ uffiċjali għolja tal-Aġenzija Identità kienet diskussa s-sitwazzjoni li jinsabu fiha 80 student barrani. Dawn l-istudenti tilfu l-istatus legali tagħhom f’Malta wara li l-iskola li kienu qed jistudjaw fiha, il-European International University, kellha l-liċenzja tagħha revokata u għalqet il-bibien tagħha ħabta u sabta.
Matul din il-laqgħa sar qbil li dawn l-istudenti se jingħataw l-għajnuna kollha meħtieġa, u la darba jkunu f’pożizzjoni li jkomplu l-istudji tagħhom f’Malta, l-Aġenzija Identità se tkun qed tiffaċilita l-Permessi ta’ Residenza u l-Viża tagħhom. Identità se tkun qed toffri wkoll assistenza lil dawk nqabdu barra minn Malta u jinħtieġu dokumenti sabiex ikunu jistgħu jerġgħu jidħlu, kif ukoll lil dawk l-istudenti li spiċċaw mingħajr il-passaport u jridu japplikaw u jiġbru passaport ġdid tagħhom mill-Ambaxxati rispettivi tagħhom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identità l-Kurunell Dr. Edric Zahra spjega li l-Aġenzija għandha obbligu li timxi mar-regoli u liġijiet kemm lokali kif ukoll dawk internazzjonali. Ir-rwol tagħha mhuwiex li timponi pieni fuq ħadd, iżda li toffri gwida u tassisti lil dawk li jsibu ruħhom f’diffikultajiet. Dr Zahra spjega li l-Aġenzija Identità tifhem li dawn l-istudenti sabu ruħhom f’din is-sitwazzjoni diffiċli bla ebda ħtija tagħhom. Iddikjara li ladarba dawn l-istudenti jiġu integrati ma’ skejjel oħra, Identità se tkun qed toħroġ id-dokumenti meħtieġa biex ikunu jistgħu jkomplu jistudjaw u jirrisjedu f’Malta.
Is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel Kevin Abela qal li flimkien se jkunu qed jitrattaw dawn il-każi individwalment u jassistu lil dawn l-istudenti mill-aħjar li jistgħu.
“Il-ħidma tal-GWU b’risq dawn l-istudenti diġa qiegħda tagħti frott u dan hekk kif diġà hemm istituzzjoni li offriet lill-istess studenti korsijiet bi prezzijiet imraħħsa,” żied jgħid Abela.
Għal din il-laqgħa kienu preżenti wkoll is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja u d-Deputat Segretarju Kevin Camilleri, filwaqt li min-naħa tal-Aġenzija Identità kien hemm preżenti wkoll il-Kap Uffiċjal għall-Politika u l-Istrateġija Tania Brown, u uffiċjali oħra mit-taqsimiet tal-Espatrijati u l-Viża.