Il-General Workers’ Union u l-Bank of Valletta ffirmaw ftehim kollettiv ġdid għall-perjodu 2025-2027. Għall-ewwel darba, dan il-ftehim jiġbor flimkien l-impjegati kollha tal-bank – sew dawk li jaħdmu fl-operat ewlieni kif ukoll f’impjiegi anċillari – taħt qafas waħdieni unifikat. Dan il-ftehim jimmarka pass ieħor sinifikanti ’l quddiem fl-istrateġija tal-bank b’risq l-impjegati b’viżjoni fit-tul lejn tkabbir, trasformazzjoni, inklużività u benesseri.
Dan il-ftehim ġie ffirmat fil-BOV Centre f’Santa Venera mis-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi fi ħdan il-GWU Riccarda Darmanin, u mill-membri tal-Kumitat tal-Grupp BOV u mill-Kap Eżekuttiv tal-BOV Kenneth Farrugia, miċ-Chief People & Culture Officer Ray Debattista, Lawrence Schembri u Melco Mallia mill-BOV Quality & Governance Department. Preżenti għall-iffirmar kien hemm ukoll iċ-Chairman tal-Bank of Valletta, Dr Gordon Cordina.
Riccarda Darmanin laqgħet dan il-fethim il-ġdid li fi kliemha huwa “sinjal b’saħħtu tal-impenn tal-bank li jimxi b’mod ġust u jkompli jagħmel progress.”
Żiedet tgħid li “dan il-ftehim unifikat jagħti lill-impjegati kollha aċċess ekwu għall-opportunitajiet ta’ żvilupp u kundizzjonijiet imtejba, permezz tal-inklużjoni ta’ miżuri favur il-bilanċ bejn il-ħin tax-xogħol u l-familja u l-benesseri irrelevanti mir-rwol tal-impjegati. Dan ikompli jibni fuq il-fundamenti sodi li bnejna tul is-snin li għaddew u ninsabu ħerqana li nkomplu nsaħħu r-rabta tagħna fis-snin li ġejjin.”
F’kummenti dwar dan it-tragward, Kenneth Farrugia qal li “Dan il-ftehim jirrifletti l-impenn kontinwu tal-bank lejn l-impjegati tiegħu. Bil-konsolidament ta’ żewġ Ftehim Kollettivi separati f’wieħed, qed nissimplifikaw l-operat tagħna u nsaħħu s-sens ta’ unità fost ir-rwoli kollha tal-bank. Nemmnu li dan l-approċċ mhux biss isaħħaħ l-għaqda interna iżda wkoll jgħinna biex naqdu aħjar lill-klijenti u lill-azzjonisti.”
Dan il-ftehim il-ġdid, jibni fuq numru ta’ inizjattivi li ħa l-bank riċentament. Fost l-oħrajn it-tnedija ta’ Skema Volontarja ta’ Pensjoni fuq il-Post tax-Xogħol (VOPS) fl-2022.
Dan il-ftehim huwa riżultat ta’ djalogu wiesgħa u kostruttiv bejn il-GWU u l-BOV, mibni fuq rispett reċiproku u l-għan komuni li jipprovdi l-aqwa ambjent tax-xogħol għall-impjegati biex jifjorixxu.