Sunday, January 25, 2026

Il-GWU – vuċi soda u ewlenija favur xogħol diċenti, paga ġusta u kundizzjonijiet xierqa

– is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Dan il-Kungress Nazzjonali kien il-qofol ta’ proċess sħiħ li beda mis-sena li għaddiet. L-andament kien ta’ sodisfazzjon kbir. Kienet ta’ sodisfazzjon akbar il-ħidma li saret mis-Segretarji u meta smajthom jitkellmu dwar il-ħidma kollha li għamlu. 

“Waħda mill-aktar affarijiet li ġibdet l-attenzjoni hija dwar il-€1.5 biljun żidiet fil-ftehim kollettivi li għamilna. Din il-figura żgur li wasalna għaliha u qbiżniha. Għaldaqstant, huwa ta’ sodisfazzjon li tara l-ħidma kollha li saret mit-Taqsimiet kemm fuq bażi ta’ ftehim kollettivi, kif ukoll meta tara l-kwistjonijiet li ­nqalgħu u x’għamilna.”

Qal dan Josef Bugeja lil IT-TORĊA wara li reġa’ ġie kkonfermat fir-rwol ta’ Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) fil-Kungress Nazzjonali li sar nhar l-Erbgħa li għadda. Fl-istess Kungress ġiet ikkonfermata l-Amministrazzjoni Ċentrali tal-GWU għajr dik ta’ President li għaliha nħatar Jason Deguara flok Victor Carachi. Dan il-ġurnal ħa l-kummenti wkoll tad-Deputat Segretarju, Kevin Camilleri, tal-President il-ġdid Jason Deguara u tal-eks President Victor Carachi.

Filwaqt li kemm Josef Bugeja, Kevin Camilleri u Jason Deguara rringrazzjaw lill-eks President Victor Carachi u lill-eks Segretarju tat-Taqsima Teknoloġija, Komunikazzjoni u Elettronika, David Darmanin, tal-ħidma kbira tagħhom fi ħdan il-GWU, naraw kif il-futur tal-GWU huwa msejjes fuq l-għaqda u f’ħidma kontinwa għall-ġid tal-ħaddiema.

Il-proċess li wasal fil-quċċata tiegħu din il-ġimgħa fil-Kungress Nazzjonali GWU nbeda sena ilu fejn l-ewwel saru l-għażliet tax-Shop Stewards, minn fost ix-Shop Stewards ġew eletti d-Delegati, mid-Delegati ġie l-Eżekuttiv, inħatar is-Segretarju u mis-Segretarju marru għall-Kungress. Mill-Kungress inħatret l-Amministrazzjoni fejn ġew konfermati wkoll kull uffiċjal ieħor. Bugeja fir-rigward tenna li, “kollox mar ħarir”.

Bugeja ilu 12-il sena bħala Segretarju Ġenerali tal-GWU u quddiemu ra ħafna sitwazzjonijiet li sarrfu f’ħafna xogħol. Fost dawn semma’ l-couriers. Aċċenna kif, “aħna tlaqna mill-punt fejn dawn il-ħaddiema lanqas kienu jitqiesu bħala ħaddiema. Però ħdimna fuq proċess sħiħ biex  nassiguraw pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa. Ħdimna fuqproċess ieħor biex il-ħaddiema  tal-kuntrattur ma jibqgħux jiġu trattati kif kienu” 

Elabora kif f’din il-kwistjoni sabu sitwazzjoni fejn kumpanija kienet iġġib barranin, tħaddimhom u tgħaddihom għand ħaddieħor. “Illum il-ġurnata dan il-proċess spiċċa. Konna aħna vuċiferi u promoturi tal-Equal Pay for Work of Eqaul Value u l-istess fil-każ tal-ħaddiema tal-pjattaformi. Fit-tibdil li għandna ġej quddiemna fosthom l-isfidi tal-AI, tad-diġitalzzazzjoni, tal-awtomizzazzjoni u t-twin transition, il-ħaddiema jridu jkunu dejjem fiċ-ċentru u mhux fil-periferija ,” kompla s-Segretarju Ġenerali tal-GWU. 

Prim Ministru li faħħar il-ħidma progressiva tal-GWU

Bugeja żied jgħid li, Il-Prim Ministru faħħar il-ħidma progressiva tal-GWU u qal kemm kienet essenzjali l-ħidma li għamilna aħna matul dawn is-snin u kif ir-rwol tal-Unjin inbidel. Illum il-ġurnata li m’għadniex iżjed dik il-militanza li nsabbtu saqajna u ma jinteressana minn xejn. Naraw dak kollu li jkun qiegħed iseħħ u naraw ukoll li l-affarijiet iseħħu bid-iskussjonijiet u djalogu soċjali madwar il-mejda. M’għadiex militanti imma qegħdin insiru progressivi. Immorru għat-tibdil u mmorru għas-soluzzjonijiet ”. 

Hawn stqarr li dak li jaraw fuq il-postijiet tax-xogħol huwa fenomenali. Il-GWU hija parti mid-djalogu soċjali kemm ma’ min iħaddem, kif ukoll fuq livell nazzjonali u Ewropew. “Is-sena li għaddiet, f’Ġinevra kont parti mid-diskussjonijiet li saru fuq tal-pjattaforma. Aħna konna l-ħames pajjiż li għandna liġi tal-ħaddiema tal-pjattaforma. Ġaladarba tkun implimentata d-Direttiva li qiegħda taħdem fuqha l-UE, l-unika ħaġa li rridu nagħmlu hija li nkunu allinjati magħha.”

“Qatt ma xtaqt li l-Unjin tispiċċa homeless”

Mistoqsi x’kienu l-akbar kisbiet li kellu fir-rwol ta’ Segretarju Ġenerali tal-GWU, Bugeja bi tbissima qal li, “bla dubju dawn kienu l-binja tal-GWU u l-Equal Pay for Job of Equal Value. Dan barra l-uġigħ ta’ ras waqt il-Covid-19 fejn minkejja kollox issalvagardjana l-impjiegi tal-ħaddiema. Il-kwistjoni tal-binja kienet inqalgħet fl-2017 fejn b’kawża riedu jeħduhielna. Din kienet il-prijorità assoluta tiegħi għax qatt ma xtaqt li l-Unjin tispiċċa homeless.” Fir-rigward huwa spjega kif in-nies dejjem assoċjaw il-Workers’ Memorial Building mal-GWU u dan il-fatt jagħtiha identità għaliha. “Il-binja u l-Unjin huma ħaġa waħda. Din kienet ta’ sagrifiċċju kbir għalija għax ħdimt u ħdimna ħafna fuqha.”

Dwar l-Equal Pay for Job of Equal Value huwa speċifika li bħala amministrazzjoni telqu mill-punt fejn l-eks Segretarju Ġenerali Tony Zarb kien jitkellem fuq il-prekarjat. “Finalment wasalna biex din toħroġ il-valur tax-xogħol, ħaġa li kulħadd jaqbel magħha. Skont il-valur tax-xogħol tiddetermina l-paga. Allura, meta tara l-affarijiet kollha u tpoġġihom f’kaxxa, żgur li l-Equal Pay for Job of Equal Value kienet importantissima ħafna għall-ġid tar-relazzjonijiet industrijali u tal-membri li aħna nirrapreżentaw.”

Mhux tmiem u bidu imma kontinwità

Finalment, fuq bażi personali, Bugeja ċċara l-aħbar li ħarġet fil-Kungress Nazzjonali. “Fil-Kungress ħabbart li se jibda l-proċess biex ikun hemm mhux tmiem u bidu imma kontinwità fit-tmexxija. Jien irrid nibda nwarrab biex jilħaq xi ħadd ieħor ġdid floki u l-istess fil-każ ta’  karigi oħra fi ħdan il-GWU kawża tal-effett katina . Irid ikun hemm tibdil u tiġdid. Naħseb wara 12-il sena jkun tajjeb li l-Unjin, li hija ħaġa ħajja, ikollha dan it-tibdil u dan it-tibdil irid isir bil-mod mifrux matul iż-żminijiet.”

Bugeja enfasizza li dan il-proċess qegħdin jagħmluh issa għax bħalissa hemm  trankwillità, stabbiltà u għaqda kbira  u allura huwa aktar faċli li ssir din il-bidla. “Dan bil-għan li l-GWU tibqa’ miexja ‘l quddiem. Huwa importanti li kull mexxej jaħdem għas-suċċessjoni tiegħu u mhux tiġi f’daqqa waħda fejn tispiċċa tara kif u minn fejn se tibda timxi. Qiegħed nipprova nkun altruwist kemm nista’,” temm is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport