Friday, December 20, 2024

Il-Gżejjer bħala ‘test bed’ għal soluzzjonijiet innovattivi

Il-MPE Cutajar tindirizza Konferenza Ewropea dwar l-Ekonomija l-Blu

Aqra wkoll

“L-oċeani tagħna joffru opportunitajiet mingħajr paragun għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija, akwakultura, u turiżmu kostali sostenibbli. Il-potenzjal għall-ħolqien tal-impjiegi u l-benefiċċji għall-kommunita’ lokali huwa enormi,” saħqet il-MPE Josianne Cutajar waqt id-diskors tagħha fil-Konferenza Ewropea dwar l-Ekonomija l-Blu 2023 fi Brussell.

Hija semmiet il-ħidma tagħha favur l-inklużjoni ta’ fjuwils marittimi u tal-avjazzjoni sostenibbli fil-lista ta’ teknoloġiji strateġiċi b’emissjonijiet żero netti, bl-għan li jiżdiedu d-disponibbiltà u l-affordabbiltà tagħhom u li jkollna trasport aktar nadif. Dr Cutajar saħqet li d-djalogu u l-kollaborazzjoni kostanti bejn is-settur pubbliku u dak privat huma kruċjali, bħalma hu l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni.

Bħala Viċi President ta’ SEArica (l-Intergrupp tal-Parlament Ewropew dwar il-Gżejjer u ż-Żoni Kostali) hija enfasizzat l-importanza li jiġu indirizzati ħtiġijiet ulterjuri, bħal soluzzjonijiet teknoloġiċi, il-kultivazzjoni ta’ ħiliet ekoloġiċi u diġitali, kif ukoll l-importanza li l-opportunitajiet ta’ finanzjament ikunu aktar aċċessibbli. “Jeħtieġ li ngħinu lin-negozji tagħna, b’mod partikolari lill-SMEs, mhux biss biex jgħelbu l-ostakli, iżda wkoll biex jiksbu l-potenzjal sħiħ tal-opportunitajiet li toffri l-ekonomija l-blu.”

Dawn l-opportunitajiet jagħtu spazju lill-atturi ż-żgħar u żvantaġġati biex jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni doppja. Cutajar saħqet ukoll li, kif enfasizzat fir-Rapport tal-Gżejjer u l-Politika ta’ Koeżjoni li ħadmet fuqu s-sena li għaddiet, bl-għajnuna addatta, il-gżejjer jistgħu verament iservu bħala ‘test beds’ għall-innovazzjoni blu, fejn il-benefiċċji ambjentali, il-kompetittività industrijali, l-impjiegi ta’ kwalità u l-livell ta’ servizz offrut jistgħu verament jimxu id f’id.

“Il-kisba tas-sostenibbiltà m’għandhiex titqies biss bħala obbligu, iżda bħala opportunità ta’ profitt għal kulħadd — għall-industrija, il-komunitajiet lokali, il-klijenti u t-turisti li jżuruna” ikkonkludiet il-MPE Josianne Cutajar.

Ekonomija

Sport