Wednesday, September 24, 2025

Il-Gżejjer Maltin mistennija jesperjenzaw l-ewwel sinjali tal-Ħarifa

Aqra wkoll

Wara n-nixfa li l-Gżejjer Maltin esperjenzaw fl-aħħar ġimgħat, il-jiem li ġejjin mistennija jġibu magħhom l-ewwel sinjali tal-ħarifa, b’temp iżjed imsaħħab, possibbiltà ta’ ħalbiet tax-xita u temperaturi iżjed qrib in-norma għal dan iż-żmien tas-sena.

Fil-fatt, mil-lum, sistema ta’ pressjoni baxxa li ffurmat fuq it-Tramuntana tal-Italja mistennija testendi għal fuq il-Baħar Mediterran. Madanakollu, aktar tard matul il-ġurnata, firxa ta’ pressjoni għolja se testendi minn fuq il-Bajja ta’ Biscay, lejn il-Gżejjer Maltin.

Dan se joħloq temp instabbli madwar il-Gżejjer Maltin b’ħalbiet iżolati tax-xita, li jistgħu jkunu bir-ragħad u bil-buffuri tar-riħ, huma mbassra għall-Erbgħa, bil-kundizzjoni tat-temp titjieb aktar tard waranofsinhar. It-temp mistenni jibqa’ pjuttost imsaħħab, anke fil-jiem ta’ wara, b’aktar xita mistennija fi tmiem il-ġimgħa.

Anke jekk in-norma klimatika għax-xita, tul ix-xahar ta’ Settembru hija dik ta’ 59.2 mm, sa issa x-xahar baqa’ tista’ tgħid qoxqox. Anke jekk it-tbassir tat-temp jaf jinbidel, il-jiem li ġejjin mistennija jisqu xi ftit jew wisq l-uċuħ tar-raba’. 

Għall-jiem li ġejjin, it-temperaturi se jibqgħu relattivament sħan, bl-ogħla temperatura mistennija titla’ sa 29°C, biex imbagħad tinżel xi ftit fi tmiem il-ġimgħa, għal madwar 27°C, hekk kif ir-riħ idur mill-Majjistral. Filgħaxija, it-temperaturi mistennija jvarjaw bejn il-21°C u 22°C. It-temperatura medja għax-xahar ta’ Settembru hija dik ta’ 24.9°C.

Għall-aktar tbassir tat-temp aġġornat, il-pubbliku huwa mħeġġeġ iżur is-sit maltairport.com/weather.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport