Monday, November 24, 2025

Il-Gżejjer ta’ San Pawl u l-irdumijiet tan-naħa ta’ fuq tal-pajjiż jirċievu livell ieħor ta’ protezzjoni

Aqra wkoll

Il-Gżejjer ta’ San Pawl (Selmunett) u l-irdumijiet miċ-Ċumnija sax-Xaqqa ġew iddikjarati uffiċjalment bħala Żoni ta’ Protezzjoni Speċjali (SPA), u b’hekk saħħew il-pożizzjoni eżistenti tagħhom bħala Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni (SAC). Din id-dikjarazzjoni tagħti liż-żewġ siti salvagwardji legali aktar b’saħħithom biex jipproteġu l-ħajja selvaġġa, l-abitati u l-pajsaġġi naturali.

B’kollox, żdiedu 1.25 miljun metru kwadru ieħor mal-lista ta’ Żoni ta’ Protezzjoni Speċjali tal-pajjiż – id-daqs ta’ madwar 175 grawnd tal-futbol.

Dan ġie spjegat waqt sessjoni edukattiva fi Ġnien Spencer fil-Marsa flimkien mal-istudenti tal-iskejjel sekondarji, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsu (ERA) u l-Ministru għall-Ambjent, Dr Miriam Dalli.

Permezz ta’ din id-deżinjazzjoni, Malta qed turi b’mod prattiku l-impenn tagħha li tipproteġi madwar 30% tal-art permezz ta’ diversi regolamenti ambjentali.

Matul is-sessjoni, l-istudenti ħadu sehem f’attivitajiet differenti, fejn saru jafu iktar dwar kif taħdem il-protezzjoni ambjentali fil-prattika u kif tiġi implimentata madwar il-gżejjer Maltin biex jiġi żgurat li l-ispeċi u l-abitati vulnerabbli jirċievu l-attenzjoni u l-kura li għandhom bżonn. 

Madwar Malta u Għawdex, hawn diversi tipi ta’ żoni naturali protetti, inkluż ir-Riżervi Naturali, iż-Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni (SAC), iż-Żoni ta’ Protezzjoni Speċjali (SPA) u s-Siti ta’ Importanza Xjentifika (SSI). Kull denominazzjoni tirrifletti l-valur ekoloġiku tas-sit u l-livell ta’ protezzjoni li għandhom bżonn. L-istatus ta’ SPA huwa wieħed mill-aktar forom b’saħħithom ta’ protezzjoni tan-Natura 2000, li jipprovdi salvagwardji legali aktar b’saħħithom u miżuri ta’ konservazzjoni.

Darrin Stevens, id-Direttur għall-Ambjent u r-Riżorsi fi ħdan l-ERA, irrimarka li l-Awtorità tibqa’ impenjata li taħdem mill-qrib ma’ kull entità rilevanti, NGOs u l-pubbliku biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva ta’ dawn il-miżuri.

Id-deċiżjoni li dawn iż-żewġ siti jiġu ddikjarati bħala SPAs issegwi riċerka xjentifika minn BirdLife Malta permezz tal-proġett LIFE PanPuffinus, li kkonfermat il-popolazzjoni importanti tal-garnija. Dan l-għasfur tal-baħar huwa protett mil-liġi Maltija u dik tal-UE. Id-deżinjazzjoni l-ġdida tfisser li azzjonijiet ta’ konservazzjoni ffukati fuq din l-ispeċi issa se jiġu inkorporati formalment fil-pjanijiet tal-immaniġġjar ta’ dawn is-siti, b’kollaborazzjoni kontinwa bejn l-ERA, NGOs ambjentali, imsieħba fir-riċerka u partijiet interessati.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport