Friday, January 17, 2025

Il-gżira Mayotte  mistħajla li għaddiet minn gwerra 

Aqra wkoll

Id-devastazzjoni kbira li ħalla warajħ iċ-ċiklun qerriedi Chido fil-jiem li għaddew fil-gżira ċkejklna ta’ Mayotte ġiet imxebbħa ma xeni apokalittiċi ta’ gwerra nukleari. Din il-maltempata hija l-agħar waħda f’90 sena li laqtet it-territorju Franċiż tal-Oċean Indjan.

Iċ-ċiklun Chido kellu qawwa ta’ veloċitajiet tar-riħ ta aktar minn 225 kilometru fis-siegħa, li kważi ċċattja żoni fejn l-ifqar nies kienu jgħixu fi kmamar b’saqaf tal-pjanċi.

Il-President Franċiż Emmanuel Macron se jkun qed jivvjaġġa lejn Mayotte fil-jiem li ġejjin, hekk kif wiegħed li jgħin liċ-ċittadini tal-gżira, l-impjegati taċ-ċivil u servizzi ta emerġenza involuti fl-isforzi ta-salvataġġ. Macron iddikjara jum nazzjonali ta luttu, fid-dawl ta din it-traġedja, li heżżet lil kull min jgħix f’din il-gżira.

Ħaddiema tas-salvataġġ, inklużi rinforzi minn Franza, għadhom qed iqallbu fit-tifrik biex ifittxu għal nies li setgħu ġew mirduma. Għoxrin persuna s’issa ġew ikkonfermati mejta, iżda l-prefett lokali qal li l-mejtin jistgħu jkunu eluf. 

L-awtoritajiet qed ikollhom diffikulta biex jistabbilixxu n-numru ta mwiet minħabba n-numru kbir ta migranti li m’humiex dokumentati – aktar minn 100,000 – f’popolazzjoni ta 320,000.

Minkejja li l-provvisti bdew jaslu, fċerti nħawi hemm nuqqas kbir ta ikel, ilma u kenn. Madwar 85% tat-territorju għadu mingħajr enerġija, u madwar 20% biss tat-telefowns jidhru li qed jaħdmu.

Franza kkolonizzat Mayotte fl-1841 u sal-bidu tas-Seklu 20 żiedet it-tliet gżejjer ewlenin li jikkostitwixxu l-arċipelagu tal-Komoros mat-territorji barranin tagħha. Il-Komoros ivvutaw biex isiru indipendenti fl-1974 iżda Mayotte iddeċidiet li tibqa parti minn Franza.

Il-popolazzjoni tal-gżira li tiddependi ħafna fuq l-għajnuna finanzjarja Franċiża maż-żmien kellha titqabat mal-faqar, il-qgħad u l-instabilita politika. Madwar 75% tal-popolazzjoni tgħix taħt il-linja nazzjonali tal-faqar fejn ukoll terz tal-popolazzjoni huma bla mpjieg.

Il-komunitajiet fqar ta Mayotte, inklużi migranti mingħajr dokumenti li vvjaġġaw lejn it-territorju Franċiż fi sforz biex jitolbu l-ażil, huma maħsuba li ntlaqtu partikolarment ħażin minħabba n-natura vulnerabbli tal-akkomodazzjoni tagħhom.

It-tradizzjoni Musulmana li jindifnu l-mejtin fi żmien 24 siegħa fissret ukoll li d-dokumentazzjoni tan-numru ta dawk li mietu kienet aktar diffiċli.

Minbarra l-għajnuna, waslu 110 suldat Franċiż biex jgħinu fis-salvataġġ, b’60 oħra fi triqithom. Madwar 800 ieħor mill-gradi ta voluntiera li jgħinu waqt l-emerġenzi kienu qed jintbagħtu wkoll biex jingħaqdu ma unitajiet tal-pulizija lokali.

Wara li wasal Mayotte, il-Ministru tal-Intern Franċiż Bruno Retailleau qal li se jkunu meħtieġa jiem u ġimgħat biex jiġi aċċertat it-telf uman.

Iċ-ċiklun Chido laqat ukoll fil-Możambik, fejn ikkawża għargħar, qlugħ siġar mill-għeruq u ħsara fil-bini madwar 25 mil fin-nofsinhar tal-belt ta Pemba fit-Tramuntana. Ġew irrappurtati tliet imwiet.

Iċ-ċiklun ikkawża ħsara strutturali u qtugħ tad-dawl fil-provinċji kostali tat-Tramuntana ta Nampula u Cabo Delgado is-Sibt filgħodu.

Maltempati bħal dan aktarx li huma wkoll kaġun tat-tibdil fil-klima, mhux bilfors minħabba l-frekwenza tagħhom iżda minħabba s-saħħa u l-qawwa tagħhom.

Sport