Tuesday, December 24, 2024

Il-ħabs mingħajr każi pożittivi ta’ COVID-19

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn CLAUDIO COLEIRO

Il-ħidma tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-Covid-19 qiegħda tħalli l-frott hekk kif bħalissa ma hemm l-ebda każ pożittiv għall-virus fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Dan is-sit tkellem maċ-Charge Nurse tal-Aġenzija, Carol Ann Delia, fejn spjegat il-ħidma li qed issir biex tkun evitata l-firxa tal-virus ġewwa l-ħabs. Hija qalet li sa issa fil-Faċilità, fejn qed jiġi offrut is-servizz ta’ rapid testing, saru kważi 3,000 swab test kemm fuq priġunieri u anke l-istaff.

Hija enfasizzat li: “f’Marzu li għadda faqqgħet il-pandemija madwar id-dinja. Bħala Faċilità dħalna għaliha fl-attakk. Il-post hu li hu, magħluq, u għaldaqstant trid toqgħod aktar attent. L-istaff kollu tagħna kien ippreparat u saru wkoll ċertu tibdiliet. Tgħallimna aktar dwar l-użu tal-PPE u l-iswabbing.”

Delia kompliet tgħid li kull priġunier li jidħol fil-ħabs isirlu t-test u li f’każ li jiġi negattiv xorta waħda jitteħidlu l-PCR, li huwa test li mbagħad jibagħtuh l-Isptar Mater Dei, u jrid jagħmel perjodu ta’ kwarantina. 

“Dejjem konna attenti għal sintomi relatati mal-Covid-19, isir ir-rapid test u jekk jiġu pożittivi npoġġuhom fi kwarantina. Hawn kellna kważi 40 priġunier bil-Covid, li kollha daħlu minn barra. Qatt ma kellna każijiet li żviluppaw minn hawn ġew. Issa ilna mit-13 ta’ Diċembru mingħajr każi pożittivi.” 

Hija żiedet issemmi kif fil-ħabs jidħlu persuni li lanqas biss ikunu konxji illi jkollhom ċertu kundizzjonijiet jew infezzjonijiet u li jsiru jafu bihom hemmhekk stess fejn imbagħad jibdew jieħdu l-kura.

Mistoqsija liema kienu l-akbar sfidi li kellhom iħabbtu wiċċhom magħhom fil-pandemija, Delia tgħid li l-isfida ewlenija kienet li teduka lill-priġunieri u anke lill-uffiċjali korrettivi biex jilbsu l-maskri u jżommu d-distanza soċjali. 

Finalment, hija qalet li tħares ‘il quddiem li l-istaff tal-MI Room jieħu l-vaċċin kontra l-Covid-19 u se jkunu qed iħeġġu lill-uffiċjali korrettivi biex jiħduha huma wkoll. “Dan hekk kif il-ġlieda kontra l-pandemija għadha ma għaddietx u għaldaqstant irridu nibqgħu nkunu viġilanti.”

Ekonomija

Sport