Għada f’Wembley Stadium se tintlagħab l- ewwel finali tal-istaġun meta Chelsea jiltaqgħu kontra Liverpool fil-League Cup li se tara żewġ managers Ġermaniżi jeħduha kontra xulxin, fuq naħa dak ta’ Chelsea, Thomas Tuchel, u fuq in-naħa l-oħra, Jurgen Klopp ta’ Liverpool.
Il-forma indifferenti ta’ Chelsea madwar il-festi tal-Milied rat lit-team mill-punent ta’ Londra jieħu skoss lura fit-taqtiegħa għar- rebħ tal-Premier League, iżda issa l-Blues se jidħlu fil-logħba ta’ għada fuq sensiela ta’ sitt rebħiet fil-kompetizzjonijiet kollha.
B’mod rimarkabbli dawn ir-rebħiet ġew f’ħames kompetizzjonijiet differenti fejn għamlu progress fiż-żewġ tazzi domestiċi, ir-rebħa fuq Lille fiċ-Champions League u kisbu suċċess fit-Tazza tad-Dinja tal-Clubs.
F’dawn l-aħħar ġimgħat Kai Havertz tfaċċa fuq quddiem meta skorja goals kruċjali għalkemm jibqa’ tħassib fuq id-disponibbilta’ ta’ Romelu Lukaku għas- sistema tant li l-Belġjan beda bħala sostitut kontra l-Franċiżi.
Chelsea għad għandhom tħassib ukoll fuq Mateo Kovacic u Hakim Ziyech li weġġgħu kontra Lille waqt li Ben Chilwell u Reece James għadhom barra.
Din se tkun it-tielet finali maġġura bejn iż-żewġ timijiet b’Chelsea jirbħu t-tnejn li saru waqt li se jsiru l-ewwel team li jilgħab fil-finali tal-League Cup jew l-FA Cup f’dawn l-aħħar sitt snin.
Anke Liverpool se jidħlu fil-finali f’forma mill-aqwa meta bil-goleada ta’ 6-0 fuq Leeds United l-Erbgħa li għadda kabbru s-sensiela rebbieħa għal disa’ logħbiet fil-kompetizzjonijiet kollha.
F’dan il-perjodu t-team ta’ Klopp sofra tliet goals biss u f’dawn l-aħħar ġimgħat ma kienx hemm dubju tal-forma kbira li għaddejjin minnha, bl-għażla tar-Reds tiġi msaħħa bir-ritorn ta’ players kruċjali minn injuries.
F’Mohamed Salah, Liverpool għandhom skorer prolifiku meta s’issa skorja 28 goal, 19 minnhom fil-kampjonat waqt li l-goal ta’ Joel Matip kontra Leeds għamlu is-17-il skorer differenti tagħhom fil-kampjonat.
Jekk Chelsea għandhom lil Kovacic u Ziyech dubjużi, Liverpool għandhom lil Diogo Jota u Roberto Firmino fl-istess sitwazzjoni għalkemm issa għandhom lil Luis Diaz u Divock Origi fl-għażla ma’ Salah u Sadio Mane fl-attakk.
L-aħħar laqgħa bejniethom kienet dik tat-2 ta’ Jannar li ntemmet 2-2 fi Stamford Bridge li ħalliet lil Chelsea fit-tieni post 10 punti wara l-leaders Manchester City u lil Liverpool 11-il punt b’logħba inqas.
Liverpool huma l-iktar team li rebaħ it-tazza, tmien darbiet – u Chelsea ħames darbiet.
Kif aktarx jilagħbu:
Chelsea: Mendy; Azpilicueta, Christensen, Silva, Rudiger, Alonso, Kante, Jorginho; Mount, Pulisic, Havertz.
Liverpool: Kelleher; Alexander-Arnold, Matip, Van Dijk, Robertson; Fabinho, Henderson, Alcantara; Salah, Mane, Diaz.
Referee: Stuart Attwell.