Raġel mill-Gambja li miet waqt li kien qed jaħdem f’sit ta’ kostruzzjoni f’Bormla nhar il-Ħamis li għadda ġie identifikat bħala Sarjo Konteh.
Sarjo, kien deskritt minn ħabib tiegħu bħala raġel twajjeb u li qabel ma ħarab minn pajjiżu kien jifforma parti mill-armata tal-Gambja.
Intant il-ħabib tiegħu f’appell fuq il-midja soċjali qed jitlob biex kull min ikun jaf lill-qraba tar-raġel jagħmel kuntatt miegħu biex ikun jista’ jgħaddilhom informazzjoni.
L-inċident fi Sqaq l-Erwieħ, li d-daħla tiegħu tagħti minn Triq San Franġisk, ħalliet lil Sarjo ta’ 35 sena mejjet u lil ħaddiem Malti ta’ 35 sena mill-Belt fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ fuqhom ċint.
Waqt li Konteh kien ċertifikat mejjet fuq il-post, kawża tad-daqqiet li sofra f’rasu mill-ġebel, dak mill-Belt qed jingħata l-kura fl-Isptar Mater Dei fejn ittieħed b’ambulanza.
Dwar dan il-każ mhux biss għaddejja inkjesta immexxija mill-Maġistrat Charmaine Galea imma anke stħarriġ mill-Pulizija, mill-Awtorità tas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) kif ukoll mil-Building Regulation Office (BRO).