Friday, November 22, 2024

IL-ĦADDIEMA BARRANIN QEGĦDIN JAGĦMLU XOGĦOL SIEWI

Aqra wkoll

Hija r-realtà. Mas-snin dejjem jiżdied l-ammont ta’ ħaddiema barranin f’Malta jikkontribwixxu bil-kbir għall-ekonomija Maltija. Ħaqqhom rispett akbar u trattament ferm aħjar, mhux biss mingħandna b’mod generali, iżda aktar u aktar mis-sidien tagħhom u l-kollegi.

Speċjalment dawk li jkollhom impjiegi fejn jeħtieġu ftit skola u l-ebda kwalifiki formali bħal dawk li jaħdmu fl-industrija tat-tindif, caring, catering, fl-uffiċċji, toroq, bennejja, dawk li jaħdmu fuq il-bastimenti tas-sajd, waiters fir-restoranti, ħwienet tal-bejgħ u ġarr ta’ tagħbijiet. Ħaddiema barranin li jwettqu xogħlijiet, li wħud minnhom ikunu diffiċli u perikolużi li n-nies Maltin ma jixtiequx jagħmlu.

Sakemm dawn il-ħaddiema ma jkunux qed jaħdmu għall-istat jew għal xi kumpanija privata ewlenija, hemm ċans li ma jkunux provduti bil-benefiċċji li suppost ikollhom bil-liġi, bħal ġranet ta’ mistrieħ, assigurazzjoni kontra telf ta’ impjieg, leave tal-mard, limiti għas-sigħat tax-xogħol, paga minima u overtime.

Minflok jiġu mġiegħlha jaħdmu sigħat twal mingħajr ma jitħallsu sahra, ma jingħatawx  il-paga mistħoqqa, ġieli jingħataw inqas mill-paga minima , ma jiġux offruti t-taħriġ meħtieġ tax-xogħol jew tagħmir protettiv għal impjiegi perikolużi. Wisq inqas jiġu mgħarrfa bid-drittijiet legali tagħhom. Sfruttament li ma jagħmilx ġid la għalihom u lanqas għalina, hekk kif mhux darba u tnejn li ngergru għalihom għax ma ningħatawx is-servizz kif suppost. 

It-trejd unjins, fosthom il-GWU, dejjem tara li dawn il-ħaddiema jingħataw l-istess trattament bħal sħabhom l-oħrajn. Tara li l-kundizzjonijiet li jkun hemm fil-ftehim kollettivi jkunu japplikaw għalihom. Tgħin anke f’każi individwali u tagħmel rappreżentanza mal-awtoritajiet konċernati biex jitjiebu l-proċessi għal dawn in-nies.

Għalkemm dawn il-ħaddiema barranin huma vitali għall-ekonomija Maltija, u jtejbu bil-kbir il-kwalità tal-ħajja għal ħafna madwarhom, huma ġeneralment jirċievu trattament tat-tieni klassi – jew agħar. 

Ħaddiema li jagħżlu li joqogħdu għal dawn it-trattamenti ħżiena sabiex jipprovdu għall-maħbubin tagħhom lura d-dar. 

Filwaqt li l-Gvern Malti u l-awtoritajiet jagħmlu l-almu tagħhom biex itejbu l-kundizzjonijiet diffiċli ta’ dawn il-ħaddiema, għad fadal ħafna aktar xi jsir biex jiġi żgurat li mpjieg deċenti bi protezzjoni soċjali bażika jsir in-norma. Jeħtieġ jittieħdu azzjonijiet konkreti li jtejbu l-kundizzjonijiet ta’ dawn il-ħaddiema barranin.

Is-servizz li jagħtu dawn il-ħaddiema huwa wieħed essenzjali u bżonnjuż u bħal kull ħaddiem ieħor għandhom ikunu apprezzati.

Sport