“It-tim ta’ tmexxija, flimkien mal-professjonisti u l-ħaddiema l-oħra kollha ġewwa ċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa Ċensu Moran huma mimlija enerġija biex joffru l-aqwa servizzi lill-pazjenti li jmorru f’din il-binja moderna u attrezzata bl-aktar apparat avvanzat fil-qasam mediku”.
Dan iddikjarah il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva fil-Parlament meta kien qed iwieġeb mistoqsija Parlamentari li saritlu mid-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia. Il-Ministru tas-Saħħa irrimarka li fil-qasam tas-saħħa qatt ma tista’ tgħid li mhemmx aktar servizzi x’tista’ toffri.
Enfasizza li l-mediċina dejjem tiżviluppa u s-servizzi dejjem trid tkompli tespandihom u ttejjibhom, bil-ħila tal-esperjenza tal-professjonisti kollha u billi tkompli tatihom għad-dispożizzjoni tagħhom l-aktar apparat state of art li joħroġ fis-suq.
Il-Ministu Abela tenna jgħid; “Hekk dan il-Gvern ser ikompli jagħmel għax għal dan il-gvern, il-pazjent jiġi l-ewwel”.


