Diversi ħaddiema ta’ Clean Malta, il-lejl li għadda kienu impenjati jnaddfu l-Fosos tal-Furjana mill-fdalijiet ta’ karti, flixkien u kontenituri tal-ikel li ħallew warajhom uħud dawk li attendew għall-kunċert annwali tal-Isle of MTV, liema kienu jammontaw mas-seba’ tunnellati ta’ skart.
Qal dan id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni Ramon Deguara l-Erbgħa filgħodu f’messaġġ fuq Facebook, fejn irringrazzja lill-ħaddiema kollha tax-xogħol impekkabbli.
Fl-istess messaġġ, Deguara irrimakra li bil-makkinarju li l-ħaddiema għandhom illum li għandu l-aqwa teknoloġija, huwa ta’ għajnuna kbira sabiex il-ħidma tkun iktar produttiva u effiċjenti
Fl-imsemmi kunċert kien hemm konkorrenza ġmielha, bi 36,000 persuna li mlew il-Fosos sabiex jiltaqgħu mal-artisti ta’ fama internazzjonali: Dj Snake, Raye u Nelly Furtado.
Għalkemm xi drabi mhux dejjem ikun apprezzat biżżejjed ix-xogħol tat-tindif tat-toroq, imnalla jkunu dawn il-ħaddiema li jieħdu azzjoni immedjata wara attivitajiet bħal dawn sabiex il-lokalitajiet jisbħu fin-nadif.