It-Taqsima Marittima u Avjazzjoni fi ħdan il-General Workers’ Union (GWU) kompliet taħdem favur il-ħaddiema tal-Aviation Cosmetics, hekk kif l-iżviluppi riċenti jikkonfermaw progress konkret fil-ħarsien tad-drittijiet tagħhom.
Wara perjodu ta’ inċertezza li fih il-ħaddiema kienu ilhom mingħajr paga, it-Taqsima aġixxiet b’mod immedjat. Minbarra li infurmat lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi (DIER), il-GWU ressqet rikors urġenti fil-Qorti sabiex jiġi żgurat li l-fondi meħtieġa għall-pagi jiġu rilaxxati mingħajr aktar dewmien.
Dan l-isforz wassal għal żvilupp importanti nhar is-17 ta’ Marzu, meta l-Qorti tat deċiżjoni favur il-pagi tal-ħaddiema. Fil-fatt, fir-rigward tar-rikors imressaq mill-GWU f’isem il-membri tagħha, flimkien ma’ rikors separat ippreżentat mill-kumpanija nnifisha għall-istess raġuni, il-Qorti laqgħet it-talba u ordnat lill-kumpanija biex timxi skont il-proċeduri meħtieġa sabiex il-pagi kollha dovuti, inklużi allowances, overtime u bonuses, jiġu rilaxxati u mħallsa.
F’dan il-kuntest, is-Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni fi ħdan il-GWU, Jurgen Azzopardi, laqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li l-pagi tal-ħaddiema bdew jidħlu fil-kontijiet rispettivi tagħhom.
Fl-istess waqt, il-GWU kompliet bid-diskussjonijiet mal-Ministru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri sabiex flimkien jassiguraw li l-impjiegi tal-ħaddiema jibqgħu salvagwardjati u jingħataw garanzija għall-futur.
Dan il-każ jikkonferma r-rwol kruċjali tal-GWU fil-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema, b’mod partikolari f’mumenti ta’ sfida.


